Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 37

Ġesù jirxoxta lil iben armla

Ġesù jirxoxta lil iben armla

LUQA 7:11-​17

  • IRXOXT FIL-​BELT TAʼ NAJN

Ftit wara li fejjaq lill-​qaddej tal-​fizzjal tal-​armata, Ġesù jitlaq minn Kafarnahum u jmur Najn, belt xi 32 kilometru lejn il-​Lbiċ. Hu mhuwiex waħdu. Id-​dixxipli tiegħu u folla kbira jivvjaġġaw miegħu. X’aktarx li jkun filgħaxija xħin joqorbu lejn il-​belt taʼ Najn. Hemmhekk jiltaqgħu maʼ folla mdaqqsa taʼ Lhud f’purċissjoni taʼ funeral. Il-​katavru taʼ żagħżugħ qed jinġarr ’il barra mill-​belt biex jindifen.

L-​iktar persuna qalbha maqsuma fosthom hi omm iż-​żagħżugħ. Hi armla, u issa t-​tifel tagħha, li m’għandhiex ħliefu, mitilha wkoll. Meta miet żewġha, għall-​inqas kien għad għandha lil binha l-​maħbub magħha. Immaġina kemm ħassitha qrib tiegħu, għax it-​tamiet tagħha u s-​sigurtà tagħha fil-​futur kienu jiddependu minnu. Issa anki hu miet. Min għad fadlilha biex jappoġġaha u jkun taʼ kumpanija għaliha?

Meta Ġesù jara lil din il-​mara, qalbu titqanqal minħabba n-​niket kbir tagħha u s-​sitwazzjoni tal-​biki li qiegħda fiha. B’tenerezza iżda fl-​istess ħin b’ċertezza li lilha timlieha b’fiduċja, hu jgħidilha: “Tibqax tibki.” Però, jagħmel iktar minn hekk. Hu jersaq lejn il-​katalett li fuqu qed jinġarr il-​katavru u jmissu. (Luqa 7:13, 14) Il-​mod kif jaġixxi jġiegħel lin-​nies tal-​belt li huma mnikktin biex jieqfu ħabta u sabta. Ħafna żgur li jistaqsu bejnhom u bejn ruħhom, ‘Dan xi jfisser, u x’se jagħmel?’

U xi ngħidu għal dawk li qed jivvjaġġaw maʼ Ġesù li rawh iwettaq għemejjel setgħanin, billi jfejjaq ħafna mard? Milli jidher huma qatt ma raw lil Ġesù jqajjem lil xi ħadd mill-​mewt. Għalkemm fil-​passat imbiegħed kien hemm min ġie rxoxtat, jistaʼ Ġesù jagħmel ħaġa bħal din? (1 Slaten 17:17-​23; 2 Slaten 4:32-​37) Ġesù jikkmanda: “Żagħżugħ, ngħidlek, Qum!” (Luqa 7:14) U hekk jagħmel. Iż-​żagħżugħ iqum bilqiegħda u jibda jitkellem! Ġesù jagħtih lil ommu li hi mistagħġba imma ferħana se ttir. Issa m’għadhiex waħedha.

Meta n-​nies jaraw li ż-​żagħżugħ verament hu ħaj, huma jfaħħru lid-​Donatur tal-​ħajja, Ġeħova, billi jgħidu: “Profeta kbir ġie mqajjem fostna.” Oħrajn jifhmu xi jfisser dan l-​għemil meraviljuż taʼ Ġesù u jgħidu: “Alla tefaʼ l-​attenzjoni tiegħu lejn il-​poplu tiegħu.” (Luqa 7:16) Din l-​aħbar meraviljuża ma ddumx ma tinfirex mal-​pajjiżi tal-​madwar u x’aktarx mal-​belt fejn trabba Ġesù, Nazaret, xi 10 kilometri ’l bogħod. Saħansitra tinfirex mal-​Lhudija li hi fin-​Nofsinhar.

Sadanittant, Ġwanni l-​Battista għadu l-​ħabs, u hu għandu interess kbir fl-​għemejjel li Ġesù qed iwettaq. Id-​dixxipli taʼ Ġwanni jgħidulu dwar dawn il-​mirakli. Hu kif iwieġeb?