Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 41

Il-mirakli—Bil-qawwa taʼ min?

Il-mirakli—Bil-qawwa taʼ min?

MATTEW 12:22-​32 MARKU 3:19-​30 LUQA 8:1-​3

  • JINBEDA T-​TIENI VJAĠĠ TAʼ PPRITKAR TAʼ ĠESÙ

  • IKEĊĊI D-​DEMONJI U JWISSI DWAR DNUB LI MA JINĦAFIRX

Ftit wara li jitkellem dwar il-​maħfra fid-​dar tal-​Fariżew Xmun, Ġesù jibda vjaġġ ieħor taʼ ppritkar fil-​Galilija. Hu qiegħed fit-​tieni sena tal-​ministeru tiegħu, u mhux qed jivvjaġġa waħdu. It-​12-​il appostlu qegħdin miegħu, kif ukoll ċerti nisa li kien “fejjaqhom mill-​ispirti mill-​agħar u mill-​mard.” (Luqa 8:2) Fosthom hemm Marija l-​Maddalena, Susanna, u Ġwanna, li żewġha hu uffiċjal tas-​Sultan Erodi Antipa.

Hekk kif iktar nies isiru jafu dwar Ġesù, in-​nuqqas taʼ qbil dwar l-​attività tiegħu jikber. Dan jidher ċar meta raġel maħkum minn demonju, li hu agħma u mutu, jittieħed għand Ġesù u jiġi mfejjaq. Issa r-​raġel hu meħlus mill-​kontroll tad-​demonju u jistaʼ jara u jitkellem. In-​nies jibqgħu mbellhin u jgħidu: “Tgħid dan Bin David?”—Mattew 12:23.

Il-​folol miġburin madwar id-​dar fejn qed joqgħod Ġesù tant huma kbar li hu u d-​dixxipli tiegħu lanqas biss jistgħu jieklu. Iżda mhux kollha jemmnu li Ġesù hu l-​iben imwiegħed taʼ David. Xi skribi u Fariżej saħansitra ġew minn Ġerusalemm—imma mhux biex jitgħallmu mingħand Ġesù jew biex jappoġġawh. Huma qed jgħidu lin-​nies: “Għandu lil Begħelżebub” u allura qed jaħdem mal-​“ħakkiem tad-​demonji.” (Marku 3:22) Meta l-​qraba taʼ Ġesù jisimgħu b’dan, joħorġu biex jaqbdu lil Ġesù. Għal xiex?

S’issa, ħut Ġesù stess ma jemmnux li hu l-​Iben t’Alla. (Ġwanni 7:5) Ir-​raġel li qed joħloq dan l-​istorbju sħiħ donnu mhuwiex l-​istess raġel li trabba magħhom Nazaret. Billi jikkonkludu li bilfors li mhuwiex qiegħed sew mentalment, huma jgħidu: “Tilef moħħu.”—Marku 3:21.

Però, x’turi l-​evidenza? Ġesù għadu kemm fejjaq lil raġel li kien maħkum minn demonju. Issa dan ir-​raġel jistaʼ jara u jitkellem u ħadd ma jistaʼ jiċħad dan. Allura l-​iskribi u l-​Fariżej jipprovaw iħammġu isem Ġesù billi jakkużawh b’mod falz. Huma jgħidu: “Dan ikeċċi d-​demonji biss bis-​saħħa taʼ Begħelżebub, il-​ħakkiem tad-​demonji.”—Mattew 12:24.

Ġesù jaf x’inhu għaddej minn moħħ l-​iskribi u l-​Fariżej, allura jgħid: “Kull saltna maqsuma kontra tagħha stess issir ħerba, u kull belt jew dar maqsuma kontra tagħha stess ma tibqax wieqfa. Bl-​istess mod, jekk Satana jkeċċi lil Satana, hu jinqasam kontra tiegħu nnifsu; allura, saltnatu kif se tibqaʼ wieqfa?”—Mattew 12:25, 26.

Dan tassew jagħmel sens! Il-​Fariżej jafu li xi Lhud jipprattikaw it-​tkeċċija tad-​demonji. (Atti 19:13) Allura Ġesù jistaqsi: “Jekk jien inkeċċi d-​demonji permezz taʼ Begħelżebub, uliedkom permezz taʼ min ikeċċuhom?” Fi kliem ieħor, l-​akkuża tagħhom għandha tapplika wkoll għalihom. Ġesù mbagħad ikompli fuq dan l-​irraġunar: “Imma jekk inkeċċi d-​demonji permezz taʼ l-​ispirtu t’Alla, is-​saltna t’Alla tassew laħqitkom.”—Mattew 12:27, 28.

Biex juri li l-​fatt li jkeċċi d-​demonji huwa evidenza li għandu l-​qawwa fuq Satana, Ġesù jagħti din it-​tixbiha: “Kif jistaʼ xi ħadd jidħol fid-​dar taʼ raġel b’saħħtu u jaħtaflu ġidu, jekk l-​ewwel ma jorbotx lir-​raġel? Imbagħad ikun jistaʼ jisraq minn daru. Min mhux miegħi kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred.” (Mattew 12:29, 30) L-​iskribi u l-​Fariżej ċertament li huma kontra Ġesù, u b’hekk juru li huma l-​aġenti taʼ Satana. Huma qed ixerrdu, jew ibiegħdu, lin-​nies mill-​Iben t’Alla, li qed jaġixxi bl-​appoġġ taʼ Ġeħova.

Ġesù jwissi lil dawn l-​opponenti sataniċi: “Kollox jinħafer lil ulied il-​bnedmin, ikunu xi jkunu d-​dnubiet u d-​dagħa li jidgħu. Madankollu, kulmin jidgħi kontra l-​ispirtu qaddis qatt ma jinħafirlu, imma jkun ħati taʼ dnub għal dejjem.” (Marku 3:28, 29) Aħseb dwar x’se jfisser dan għal dawk li qed jgħidu li Satana qed jagħmel affarijiet li b’mod ċar qed isiru bl-​ispirtu t’Alla!