Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 62

Lezzjoni importanti dwar l-umiltà

Lezzjoni importanti dwar l-umiltà

MATTEW 17:22–18:5 MARKU 9:30-​37 LUQA 9:43-​48

  • ĠESÙ JERĠAʼ JBASSAR MEWTU

  • IĦALLAS IT-​TAXXA B’MUNITA MINN ĦALQ ĦUTA

  • MIN SE JKUN L-​AKBAR FIS-​SALTNA?

Wara t-​trasfigurazzjoni u l-​fejqan taʼ tifel maħkum minn demonju fir-​reġjun taʼ Ċesarija Filippi, Ġesù jerħilha lejn Kafarnahum. Hu jivvjaġġa mad-​dixxipli tiegħu biss ħalli l-​folol ma ‘jsirux jafu’ fejn sejrin. (Marku 9:30) Dan jagħtih iktar opportunità biex iħejji lid-​dixxipli tiegħu għal mewtu u għax-​xogħol li se jagħmlu wara dan. “Bin il-​bniedem għandu jiġi tradut u jingħata f’idejn il-​bnedmin,” hu jispjega, “u dawn joqtluh, u fit-​tielet jum jiġi mqajjem.”—Mattew 17:22, 23.

Din mhijiex l-​ewwel darba li d-​dixxipli semgħu dan. Ġesù diġà tkellem dwar li se jinqatel, għalkemm Pietru ma riedx jemmen li dan kien se jiġri. (Mattew 16:21, 22) U tliet appostli raw it-​trasfigurazzjoni u semgħu d-​diskussjoni dwar “it-​tluq” taʼ Ġesù. (Luqa 9:31) Is-​segwaċi tiegħu issa ‘jitnikktu ferm’ minħabba dak li qed jgħid Ġesù, għalkemm ma jifhmux eżatt xi jfisser kliemu. (Mattew 17:23) Xorta waħda, huma jibżgħu jistaqsu iktar dwar dan.

Eventwalment jidħlu Kafarnahum, iċ-​ċentru tal-​attività taʼ Ġesù u l-​post fejn jgħixu wħud mill-​appostli. Hemmhekk, xi rġiel li jiġbru t-​taxxa tat-​tempju jersqu lejn Pietru. Forsi biex jipprovaw jakkużaw lil Ġesù li ma jħallasx it-​taxxa, huma jistaqsu: “L-​għalliem tagħkom ma jħallashiex it-​taxxa [tat-​tempju] taʼ żewġ drakmi?”—Mattew 17:24.

“Iva,” iwieġeb Pietru. Ġesù li qiegħed lura d-​dar diġà jaf x’ġara. Allura minflok ma jistenna lil Pietru jqajjem il-​kwistjoni, Ġesù jistaqsi: “X’taħseb Xmun? Is-​slaten taʼ l-​art mingħand min jirċievu d-​dazju jew it-​taxxa fuq kull ras? Mingħand uliedhom jew mingħand l-​istranġieri?” Pietru jwieġeb: “Mingħand l-​istranġieri.” Allura Ġesù jgħid: “Mela, allura, l-​ulied huma ħielsa mit-​taxxa.”—Mattew 17:25, 26.

Missier Ġesù hu s-​Sultan tal-​univers u l-​Wieħed li jiġi meqjum fit-​tempju. Għalhekk, l-​Iben t’Alla legalment m’għandux għalfejn iħallas it-​taxxa tat-​tempju. “Imma biex ma nfixkluhomx,” jgħid Ġesù, “mur sal-​baħar, ixħet sunnara, u ħu l-​ewwel ħuta li ttellaʼ u, meta tiftħilha ħalqha, issib munita taʼ stater [jew tetradrakma, munita tal-​fidda]. Ħudha u agħtihielhom għalija u għalik.”—Mattew 17:27.

Id-​dixxipli ma jdumux ma jiltaqgħu flimkien u għandhom mistoqsija għal Ġesù dwar min kien se jkun l-​akbar fis-​Saltna. Dawn l-​istess irġiel reċentement beżgħu jistaqsu lil Ġesù dwar il-​mewta tiegħu li kienet riesqa, imma issa mhumiex qed jibżgħu jistaqsuh dwar il-​futur tagħhom. Ġesù jaf x’qed jaħsbu. Hi xi ħaġa li diġà argumentaw dwarha hekk kif kienu mexjin warajh fil-​vjaġġ tagħhom lura lejn Kafarnahum. Allura jistaqsihom: “Fuqiex kontu qed targumentaw fit-​triq?” (Marku 9:33) Imbarazzati, id-​dixxipli ma jitniffsux, għax kienu qed jargumentaw dwar min kien l-​akbar fosthom. Sa fl-​aħħar, l-​appostli jistaqsu lil Ġesù l-​mistoqsija li kienu qed jiddiskutu: “Min tassew hu l-​akbar fis-​saltna tas-​smewwiet?”—Mattew 18:1.

Tidher li hi xi ħaġa li ma titwemminx li d-​dixxipli jkollhom dan l-​argument wara kważi tliet snin jaraw u jisimgħu lil Ġesù. Madankollu, huma imperfetti. U huma trabbew f’ambjent reliġjuż li fih il-​pożizzjoni u l-​kariga jingħataw importanza kbira. Barra minn hekk, Pietru reċentement kien semaʼ lil Ġesù jwiegħdu li kien se jirċievi ċerti “mfietaħ” tas-​Saltna. Allura, jistaʼ jkun li minħabba f’hekk qed iħossu superjuri? Ġakbu u Ġwanni għandhom mnejn iħossuhom l-​istess, peress li raw it-​trasfigurazzjoni taʼ Ġesù b’għajnejhom stess.

Hu x’inhu l-​każ, Ġesù jieħu azzjoni biex jikkoreġi l-​attitudni tagħhom. Hu jsejjaħ ħdejh tifel, iqiegħdu f’nofshom, u jgħid lid-​dixxipli: “Jekk ma tinbidlux u ma ssirux bħal tfal żgħar, żgur li ma tidħlux fis-​saltna tas-​smewwiet. Għalhekk, kulmin jumilja ruħu bħal dan it-​tifel hu l-​akbar fis-​saltna tas-​smewwiet; u kulmin jilqaʼ tifel bħal dan f’ismi jilqaʼ lili wkoll.”—Mattew 18:3-​5.

X’metodu taʼ tagħlim meraviljuż! Ġesù ma jirrabjax mad-​dixxipli tiegħu jew jgħajjarhom rgħiba jew ambizzjużi. Minflok, hu juża lezzjoni li jistgħu jaraw b’għajnejhom. Tfal ċkejknin m’għandhomx stat soċjali għoli jew prominenza. Ġesù b’hekk juri li d-​dixxipli tiegħu għandhom bżonn jiżviluppaw din il-​ħarsa tagħhom infushom. Imbagħad Ġesù jikkonkludi l-​lezzjoni għas-​segwaċi tiegħu billi jgħid: “Min iġib ruħu bħal wieħed mill-​iżgħar fostkom ilkoll, dan ikun il-​kbir.”—Luqa 9:48.