Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 67

“Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu”

“Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu”

ĠWANNI 7:32-​52

  • UFFIĊJALI JINTBAGĦTU BIEX JARRESTAW LIL ĠESÙ

  • NIKODEMU JITKELLEM FAVUR ĠESÙ

Ġesù għadu Ġerusalemm għall-​Festa tal-​Għerejjex (jew, tat-​Tabernakli). Hu kuntent li “ħafna nies mill-​folla poġġew il-​fidi fih.” Madankollu, il-​mexxejja reliġjużi xejn mhuma kuntenti b’dan. Huma jibagħtu lil xi rġiel biex jarrestawh. (Ġwanni 7:31, 32) Imma Ġesù ma jipprovax jinħeba.

Minflok, Ġesù jibqaʼ jgħallem pubblikament f’Ġerusalemm billi jgħid: “Qabel ma mmur għand dak li bagħatni nibqaʼ magħkom ftit ieħor. Imbagħad tfittxuni, imma ma ssibunix, u fejn inkun jien intom ma tistgħux tiġu.” (Ġwanni 7:33, 34) Il-​Lhud ma jifhmuhx, allura jgħidu bejniethom: “Dan ir-​raġel fejn bi ħsiebu jmur, biex aħna ma nsibuhx? Mhux bi ħsiebu jmur għand il-​Lhud imxerrdin fost il-​Griegi u jgħallem lill-​Griegi, hux? Xi jfisser dan il-​kliem li qal, ‘Tfittxuni, imma ma ssibunix, u fejn inkun jien intom ma tistgħux tiġu’?” (Ġwanni 7:35, 36) Ġesù qed jitkellem dwar il-​mewt tiegħu u l-​irxoxt fis-​sema, u l-​għedewwa tiegħu ma jistgħux isegwuh hemmhekk.

Jasal is-​sebaʼ jum tal-​festa. S’issa kull għodwa tal-​festa, qassis ferraʼ ilma mill-​Għadira taʼ Silogħam, ħalli dan igelgel sal-​bażi tal-​artal tat-​tempju. Ġesù x’aktarx ifakkar lin-​nies f’din il-​prattika meta jgħajjat: “Jekk xi ħadd hu bil-​għatx, ħa jiġi għandi u jixrob. Min ipoġġi l-​fidi fija, bħalma qalet l-​Iskrittura, ‘Mill-​intern tiegħu jgelglu nixxigħat taʼ ilma ħaj.’”—Ġwanni 7:37, 38.

Ġesù qed jirreferi għal x’se jiġri meta l-​ispirtu t’Alla jinżel fuq id-​dixxipli tiegħu u jissejħu għall-​ħajja fis-​sema. Dan isir wara l-​mewt taʼ Ġesù. B’seħħ mill-​jum taʼ Pentekoste tas-​sena taʼ wara, jibdew igelglu nixxigħat taʼ ilma li jagħti l-​ħajja hekk kif id-​dixxipli midlukin bl-​ispirtu jaqsmu l-​verità man-​nies.

Meta jisimgħu t-​tagħlim taʼ Ġesù xi wħud jgħidu: “Dan żgur il-​Profeta,” milli jidher qed jirreferu għall-​profeta mbassar li kellu jkun akbar minn Mosè. Oħrajn jgħidu: “Dan il-​Kristu.” Imma xi wħud jargumentaw: “Il-​Kristu mhux ġej mill-​Galilija, hux tassew? Ma qalitx l-​Iskrittura li l-​Kristu ġej minn nisel David, u minn Betlehem, ir-​raħal fejn kien ikun David?”—Ġwanni 7:40-​42.

Allura dawk fil-​folla ma jaqblux bejniethom. Għalkemm xi wħud iridu li Ġesù jiġi arrestat, ħadd ma jmidd idu fuqu. Meta l-​uffiċjali jmorru lura għand il-​mexxejja reliġjużi mingħajr Ġesù, il-​qassisin ewlenin u l-​Fariżej jistaqsu: “Għala ma ġibtuhx?” L-​uffiċjali jwieġbu: “Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu.” Il-​mexxejja reliġjużi b’rabja jirrikorru għat-​twaqqigħ għaċ-​ċajt u għat-​tgħajjir: “Ma ġejtux imqarrqin intom ukoll, hux? Ħadd mill-​ħakkiema jew mill-​Fariżej ma poġġa l-​fidi fih, hux hekk? Imma din il-​folla li ma tafx il-​Liġi hi misħuta.”—Ġwanni 7:45-​49.

F’dan il-​waqt, Nikodemu, Fariżew u membru tas-​Sinedriju, jissogra jitkellem favur Ġesù. Xi sentejn u nofs qabel, Nikodemu kien mar għand Ġesù billejl u wera fidi fih. Issa Nikodemu jgħid: “Il-​liġi tagħna ma tiġġudika lil ħadd jekk ma tkunx l-​ewwel semgħetu u saret taf x’inhu jagħmel, hux hekk?” X’inhi r-​risposta difensiva tagħhom? “Jaqaw int ukoll mill-​Galilija? Fittex, u tara li ebda profeta mill-​Galilija m’għandu jiġi mqajjem.”—Ġwanni 7:51, 52.

L-​Iskrittura ma tgħidx direttament li profeta kien se joħroġ mill-​Galilija. Imma l-​Kelma t’Alla tindika li l-​Kristu kien se jiġi minn hemmhekk; tipprofetizza li “dawl kbir” kien se jidher fil-​“Galilija tal-​ġnus.” (Isaija 9:1, 2; Mattew 4:13-​17) Barra minn hekk, kif kien imbassar, Ġesù twieled Betlem, u hu nisel David. Għalkemm il-​Fariżej forsi jafu dan, x’aktarx huma stess xerrdu ħafna mill-​ideat żbaljati li n-​nies għandhom dwar Ġesù.