KAPITLU 78
Kun dejjem għal-lest, prokuratur leali!
-
IL-PROKURATUR LEALI GĦANDU JKUN DEJJEM GĦAL-LEST
-
ĠESÙ JIĠI BIEX IĠIB FIRDA
Ġesù spjega li “merħla żgħira” biss se tingħata post fis-Saltna tas-smewwiet. (Luqa 12:32) Imma li jirċievu dan il-premju meraviljuż mhijiex xi ħaġa li għandha tittieħed ħafif ħafif. Infatti, hu jkompli billi jenfasizza kemm se jkun importanti li individwu jkollu attitudni xierqa biex ikun parti mis-Saltna.
Għalhekk, Ġesù jħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex jibqgħu jistennew ir-ritorn tiegħu. Hu jgħid: “Ħa jkunu ġenbejkom imħażżmin u l-imsiebaħ tagħkom mixgħulin, u intom kunu bħal nies li jistennew lil sidhom meta jiġi lura mit-tieġ, biex malli jasal u jħabbat ikunu jistgħu jiftħulu minnufih. Henjin dawk l-ilsiera li meta jasal is-sid isibhom jgħassu!”—Luqa 12:35-37.
Mhuwiex diffiċli għad-dixxipli biex jifhmu l-attitudni li Ġesù qed jiddeskrivi. L-ilsiera li jsemmi qegħdin għassa u qed jistennew il-wasla taʼ sidhom. Ġesù jispjega: ‘Jekk [is-sid] jasal fit-tieni għassa [bejn id-disgħa taʼ filgħaxija u nofsillejl] jew fit-tielet għassa [bejn nofsillejl u madwar it-tlieta taʼ filgħodu] u jsibhom jgħassu, henjin huma!’—Luqa 12:38.
Dan mhuwiex sempliċement parir biex wieħed ikun ilsir, jew ħaddiem, bieżel fid-dar. Dan jidher ċar mill-mod kif Ġesù, Bin il-bniedem, idaħħal lilu nnifsu fit-tixbiha. Hu jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Intom ukoll, kunu dejjem għal-lest, għax f’siegħa li ma tobsruhiex ġej Bin il-bniedem.” (Luqa 12:40) Allura f’xi żmien fil-futur, Ġesù se jiġi. Hu jrid li s-segwaċi tiegħu—partikularment dawk tal-“merħla żgħira”—ikunu għal-lest.
Pietru jrid jifhem b’mod ċar x’qed jgħid Ġesù, allura jistaqsi: “Mulej, din it-tixbiha qed tgħidha għalina jew ukoll għal kulħadd?” Minflok ma jwieġeb lil Pietru direttament, Ġesù jirrakkonta tixbiha oħra: “Min hu tassew il-prokuratur leali, l-għaqli, li sidu jaħtru fuq il-ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu biex jibqaʼ jagħtihom is-sehem tagħhom taʼ l-ikel fiż-żmien xieraq? Hieni dak l-ilsir li sidu, meta jasal, isibu jagħmel hekk! Ngħidilkom il-verità, Hu jaħtru fuq kulma għandu.”—Luqa 12:41-44.
Fl-ewwel tixbiha, “is-sid” b’mod ċar jirreferi għal Ġesù, Bin il-bniedem. B’mod loġiku, “il-prokuratur leali” jinkludi rġiel li huma parti mill-“merħla żgħira” u li se jingħataw is-Saltna. (Luqa 12:32) Hawnhekk Ġesù qed jgħid li ċerti membri taʼ dan il-grupp se jagħtu lill-“ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu” “l-ikel fiż-żmien xieraq.” Allura Pietru u dixxipli oħrajn li Ġesù qed jgħallem u jitmaʼ spiritwalment jistgħu jikkonkludu li fil-futur se jkun hemm perijodu li fih se jiġi Bin il-bniedem. U f’dan il-perijodu, se jkun hemm arranġament biex is-segwaċi taʼ Ġesù, “il-ġemgħa taʼ qaddejja” tas-Sid, jiġu mitmugħin spiritwalment.
Ġesù jenfasizza b’mod ieħor għala d-dixxipli tiegħu jridu jibqgħu għassa u joqogħdu attenti għall-attitudni tagħhom. Dan għaliex dak li jkun jistaʼ jsir traskurat u saħansitra jasal sal-punt li jopponi lil ħutu: “Imma jekk xi darba dak l-ilsir jgħid f’qalbu, ‘Sidi se jdum ma jiġi,’ u jibda jsawwat lill-qaddejja rġiel u nisa, u jiekol u jixrob u jisker, jiġi sid dak l-ilsir f’jum li ma jkunx qed jistennieh u f’siegħa li ma jafhiex, u jikkastigah bl-akbar ħruxija u jagħtih sehmu maʼ dawk li m’humiex leali.”—Luqa 12:45, 46.
Ġesù jgħid li hu ‘ġie jqabbad nar fuq l-art.’ U hekk għamel billi qajjem kwistjonijiet li wasslu għal kontroversja taħraq u li ġabu t-tagħlim falz u t-tradizzjonijiet fix-xejn. Dan saħansitra jifred lil individwi li s-soltu jkunu magħqudin, iġib “il-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra bintha u l-bint kontra ommha, il-kunjata Luqa 12:49, 53.
kontra mart binha u l-mara tat-tifel kontra l-kunjata tagħha.”—Dawn il-kummenti kienu l-iktar għad-dixxipli tiegħu. Imbagħad Ġesù jdur lejn il-folol. Il-biċċa l-kbira min-nies b’ras iebsa rrifjutaw li jaċċettaw l-evidenza li hu l-Messija, allura jgħidilhom: “Meta taraw sħaba tielgħa mill-punent, mill-ewwel tgħidu, ‘Ġejja maltempata,’ u hekk jiġri. U meta taraw li qed jonfoħ riħ isfel, tgħidu, ‘Se jkollna mewġa taʼ sħana kbira,’ u hekk jiġri. Ipokriti, tafu teżaminaw kif jidhru minn barra l-art u s-sema, imma kif ma tafux teżaminaw dan iż-żmien partikulari?” (Luqa 12:54-56) Jidher ċar li mhumiex għal-lest.