Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 82

Il-ministeru taʼ Ġesù fil-Perija

Il-ministeru taʼ Ġesù fil-Perija

LUQA 13:22–14:6

  • STINKA BIEX TIDĦOL MILL-​BIEB ID-​DEJJAQ

  • ĠESÙ GĦANDU JMUT ĠERUSALEMM

Ġesù kien qed jgħallem u jfejjaq lin-​nies fil-​Lhudija u Ġerusalemm. Imbagħad jaqsam ix-​Xmara Ġordan biex jgħallem minn belt għal belt fid-​distrett tal-​Perija. Iżda dalwaqt se jerġaʼ jmur Ġerusalemm.

Waqt li Ġesù qiegħed il-​Perija, wieħed raġel jistaqsih: “Mulej, huma ftit dawk li jiġu salvati?” Ir-​raġel forsi jaf bid-​dibattiti li jkollhom il-​mexxejja reliġjużi dwar jekk hux ħafna se jsalvaw jew ftit biss. Minflok ma jiffoka fuq kemm se jsalvaw, Ġesù jitkellem dwar xi jrid jagħmel dak li jkun biex isalva. Hu jgħid: “Stinkaw kemm tifilħu biex tidħlu mill-​bieb id-​dejjaq.” Iva, hemm bżonn li tistinka u tissara. Għala? Ġesù jispjega: “Ngħidilkom, ħafna jipprovaw jidħlu imma ma jkunux jistgħu.”—Luqa 13:23, 24.

Biex juri kemm wieħed irid jistinka kemm jiflaħ, Ġesù juża din it-​tixbiha: ‘Meta sid id-​dar ikun qam u sakkar il-​bieb, intom tkunu barra u tibdew tħabbtu fuq il-​bieb u tgħidu, “Sinjur, iftħilna.” Imma hu jgħidilkom, “Ma nafx min intom. Itilqu minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!”’—Luqa 13:25-​27.

Din turi d-​diffikultà li individwu jsib ruħu fiha meta jasal tard—milli jidher meta jkun konvenjenti għalih—u jsib li l-​bieb hu magħluq u msakkar. Hu jmissu ġie iktar kmieni, anki jekk dan ma kienx konvenjenti għalih. Din hi s-​sitwazzjoni taʼ ħafna li setgħu bbenefikaw mill-​fatt li Ġesù kien qiegħed hemmhekk jgħallimhom. Huma ma ħatfux l-​opportunità li jagħmlu l-​qima vera l-​iskop ewlieni tagħhom fil-​ħajja. Il-​biċċa l-​kbira minn dawk li Ġesù ntbagħat għandhom m’aċċettawx il-​provvediment t’Alla għas-​salvazzjoni. Ġesù jgħid li huma se ‘jibku u jgħażżu snienhom’ meta jitkeċċew ’il barra. Iżda nies “mil-​lvant u l-​punent, mit-​tramuntana u n-​nofsinhar,” iva, mill-​ġnus kollha, se “joqogħdu mal-​mejda fis-​saltna t’Alla.”—Luqa 13:28, 29.

Ġesù jispjega: “Hemm dawk taʼ l-​aħħar [bħal dawk mhux Lhud u Lhud maħqurin] li jkunu l-​ewwel, u hemm dawk taʼ l-​ewwel [il-​mexxejja reliġjużi Lhud li jħossuhom kburin għax huma dixxendenti t’Abraham] li jkunu l-​aħħar.” (Luqa 13:30) Il-​fatt li huma “l-​aħħar” ifisser li dawn l-​uħud ingrati mhux se jidħlu fis-​Saltna t’Alla.

Xi Fariżej issa jiġu għand Ġesù u jwissuh: “Oħroġ u itlaq minn hawn, għax Erodi [Antipa] jrid joqtlok.” Forsi s-​Sultan Erodi nnifsu beda jxerred dan l-​għajdut biex iġiegħel lil Ġesù jaħrab minn dawk l-​inħawi. Erodi forsi qed jibżaʼ li b’xi mod se jiġi involut fil-​mewt taʼ profeta ieħor, bħalma kien fil-​qtil taʼ Ġwanni l-​Battista. Imma Ġesù jgħid lill-​Fariżej: “Morru għidu lil dak il-​volpi, ‘Ara! Qed inkeċċi d-​demonji u nwettaq il-​fejqan illum u għada, u fit-​tielet jum inkun lestejt.’” (Luqa 13:31, 32) Billi jsejjaħ lil Erodi “volpi,” Ġesù forsi qed jirreferi għal kemm il-​volpijiet jistgħu jkunu makakki. Madankollu, Ġesù mhux se jħalli lil Erodi jew lil xi ħadd ieħor jagħmel li jrid bih jew jgħaġġlu. Hu se jlesti l-​inkarigu li tah Missieru, u dan se jagħmlu meta jrid Alla u mhux meta jridu l-​bnedmin.

Ġesù issa jkompli l-​vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm għax, kif jgħid hu, “mhux aċċettabbli li profeta jiġi meqrud ’il barra minn Ġerusalemm.” (Luqa 13:33) Ebda profezija Biblika ma qalet li l-​Messija għandu jmut f’din il-​belt, allura Ġesù għala jitkellem dwar li jinqatel hemmhekk? Għax Ġerusalemm hi l-​belt kapitali, fejn hemm is-​Sinedriju, il-​qorti superjuri, b’71 membru u fejn dawk akkużati li huma profeti foloz jgħaddu ġuri. Barra minn hekk, dan hu l-​post fejn jiġu offruti s-​sagrifiċċji tal-​annimali. B’hekk, Ġesù jagħraf li ma jkunx aċċettabbli li jinqatel xi mkien ieħor.

“Ġerusalemm, Ġerusalemm, il-​qattiela tal-​profeti u l-​ħaġġara taʼ dawk li ntbagħtulha!” jgħid Ġesù mbikkem. “Kemm-​il darba ridt niġbor lil uliedek flimkien bħalma qroqqa tiġbor il-​flieles tagħha taħt ġwinħajha, imma intom dan ma ridtuhx! Ara! Darkom mitluqa f’idejkom.” (Luqa 13:34, 35) Il-​ġens qed jiċħad lill-​Iben t’Alla u se jkollu jiffaċċja l-​konsegwenzi!

Qabel ma Ġesù jasal Ġerusalemm, mexxej tal-​Fariżej jistiednu f’daru għal ikla fis-​Sabat. Dawk mistidnin joqogħdu b’sebaʼ għajnejn biex jaraw x’se jagħmel Ġesù lil raġel preżenti li jbati mill-​idropsija (marda li tneffaħ il-​ġisem minħabba li jinġemaʼ l-​ilma, spiss fis-​saqajn). Ġesù jistaqsi lill-​Fariżej u lill-​esperti fil-​Liġi: “Skond il-​liġi, tistaʼ tfejjaq f’jum is-​Sabat jew le?”—Luqa 14:3.

Ħadd ma jwieġbu. Ġesù jfejjaq lir-​raġel u mbagħad jistaqsihom: “Min minnkom, jekk jaqagħlu ibnu jew il-​barri tiegħu ġo bir, ma jtellgħux minnufih f’jum is-​Sabat?” (Luqa 14:5) Għal darb’oħra, m’għandhomx tweġiba għall-​irraġunar sod tiegħu.