KAPITLU 92
Għaxar imġiddmin jiġu mfejqin—Wieħed biss juri gratitudni
-
ĠESÙ JFEJJAQ LIL GĦAXAR IMĠIDDMIN
Ġesù jfixkel il-pjanijiet tas-Sinedriju biex joqtluh billi jivvjaġġa lejn il-belt t’Efrajm, lejn il-Grigal taʼ Ġerusalemm. Hu jibqaʼ hemmhekk mad-dixxipli, ’il bogħod mill-għedewwa tiegħu. (Ġwanni 11:54) Madankollu, qed joqrob iż-żmien għall-Qbiż tas-sena 33 WK, allura Ġesù ma jdumx ma jerġaʼ jerħilha għal post ieħor. Hu jivvjaġġa lejn it-Tramuntana, jgħaddi mis-Samarija, u jibqaʼ tielaʼ l-Galilija. Din se tkun l-aħħar żjara tiegħu f’dan il-post qabel ma jmut.
Fil-bidu tal-vjaġġ, waqt li Ġesù qed jgħaddi minn raħal għal ieħor, hu jiltaqaʼ m’għaxart irġiel li għandhom il-ġdiem. F’ċerti każi, din il-marda tistaʼ twassal għat-telf taʼ xi parti tal-ġisem, bħas-swabaʼ tas-saqajn u tal-idejn jew il-widnejn. (Numri 12:10-12) Il-Liġi t’Alla tirrikjedi li l-imġiddem jgħajjat, “Mhux nadif, mhux nadif!” u li jgħix maqtugħ minn kulħadd.—Levitiku 13:45, 46.
Għalhekk, l-għaxar imġiddmin jibqgħu ’l bogħod minn Ġesù. Però, b’leħen għoli jgħajtu: “Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!” Xħin jara l-imġiddmin, Ġesù jgħidilhom: “Morru uru ruħkom lill-qassisin.” (Luqa 17:13, 14) B’hekk, hu juri rispett għal-Liġi t’Alla, li tagħti l-awtorità lill-qassisin biex jiddikjaraw il-fejqan taʼ dawk li qabel kienu mġiddmin. Imbagħad ikunu jistgħu jerġgħu jgħixu fost nies f’saħħithom.—Levitiku 13:9-17.
L-għaxar imġiddmin għandhom fiduċja sħiħa fil-qawwa taʼ Ġesù biex ifejjaq. Huma jmorru biex jidhru quddiem il-qassisin, saħansitra qabel ma jkunu fiequ. Huma u sejrin, il-fidi tagħhom f’Ġesù tiġi premjata. Jibdew jaraw u jħossu li reġgħu kisbu saħħithom lura!
Disgħa mill-imġiddmin imfejqin ikomplu fi triqithom. Imma wieħed minnhom le. Dan ir-raġel, li hu Samaritan, imur lura biex ifittex lil Ġesù. Għala? Ir-raġel hu grat għall-aħħar għal dak li Ġesù għamel għalih. Dak li kien imġiddem issa “jigglorifika lil Alla b’leħen għoli,” għax hu jirrealizza li Alla huwa l-wieħed responsabbli għall-fejqan tiegħu. (Luqa 17:15) Meta jsib lil Ġesù, jinxteħet fl-art quddiemu u jirringrazzjah.
Lil dawk taʼ madwaru, Ġesù jgħidilhom: “Mhux għaxra ndafu? Allura, fejnhom id-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd li dar lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan ir-raġel taʼ ġens ieħor?” Imbagħad Ġesù jgħid lis-Samaritan: “Qum u mur fi triqtek; il-fidi tiegħek fejqitek.”—Luqa 17:17-19.
Billi jfejjaq lill-għaxar imġiddmin, Ġesù juri li għandu l-appoġġ t’Alla Ġeħova. Issa wieħed minn dawn l-għaxra mhux biss ġie mfejjaq minn Ġesù, imma x’aktarx li se jikseb il-ħajja taʼ dejjem. Aħna m’aħniex ngħixu fi żmien meta Alla qed juża lil Ġesù biex iwettaq fejqan bħal dan. Madankollu, jekk ikollna fidi f’Ġesù aħna wkoll nistgħu niksbu l-ħajja taʼ dejjem. Kif qed nuru li aħna grati għal dan, bħalma għamel dan ir-raġel Samaritan?