Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 99

Ġesù jfejjaq lil irġiel għomja u jgħin lil Żakkew

Ġesù jfejjaq lil irġiel għomja u jgħin lil Żakkew

MATTEW 20:29-​34 MARKU 10:46-​52 LUQA 18:35–19:10

  • ĠESÙ JFEJJAQ LIL IRĠIEL GĦOMJA F’ĠERIKO

  • JINDEM ŻAKKEW IL-​KOLLETTUR TAT-​TAXXI

Ġesù u dawk li qed jivvjaġġaw miegħu jaslu Ġeriko, li hi xi ġurnata mixi ’l bogħod minn Ġerusalemm. F’ċertu sens, Ġeriko hi belt maqsuma fi tnejn. Il-​belt l-​antika hi xi kilometru u nofs ’il bogħod mill-​belt Rumana iktar ġdida. Hekk kif Ġesù u l-​folol joħorġu minn waħda minn dawn il-​bliet u jersqu lejn l-​oħra, żewġ tallaba għomja jisimgħu l-​istorbju li hemm. Wieħed minnhom jismu Bartimew.

Hekk kif jisimgħu li għaddej Ġesù, Bartimew u dak li qiegħed miegħu jibdew jgħajtu: “Mulej, ikollok ħniena minna, Bin David!” (Mattew 20:30) Xi wħud fil-​folla bl-​aħrax jgħidulhom biex jisktu, imma ż-​żewġt irġiel jgħajtu saħansitra iktar. Ġesù jismaʼ l-​istorbju u jieqaf. Hu jistaqsi lil dawk li qegħdin miegħu biex isejħu lil dawk li qed jgħajtu. Huma jmorru għand it-​tallaba u jgħidu lil wieħed minnhom: “Agħmel kuraġġ, qum, qed isejjaħlek.” (Marku 10:49) Bl-​eċċitament, ir-​raġel agħma jtajjar il-​mantar minn fuqu, iqum jiġri bilwieqfa, u jmur ħdejn Ġesù.

Ġesù jistaqsi: “Xi triduni nagħmlilkom?” Iż-​żewġt irġiel għomja bil-​ħniena jgħidulu: “Mulej, agħmel li jinfetħu għajnejna.” (Mattew 20:32, 33) Ġesù jitħassarhom u jmissilhom għajnejhom u, partikularment lil wieħed minnhom, jgħid: “Mur, il-​fidi tiegħek fejqitek.” (Marku 10:52) Iż-​żewġ tallaba għomja jibdew jaraw, u bla dubju t-​tnejn li huma jibdew jigglorifikaw lil Alla. Hekk kif jaraw x’ġara, anki n-​nies jibdew ifaħħru lil Alla. L-​irġiel li kienu għomja issa jibdew isegwu lil Ġesù.

Hemm folol kbar madwar Ġesù hekk kif jgħaddi minn Ġeriko. Kulħadd irid jara lil dak li fejjaq lill-​irġiel għomja. In-​nies irossu fuq Ġesù minn kull naħa; għalhekk, xi wħud lanqas biss jistgħu jarawh. Żakkew hu wieħed minn dawn. Hu kap fuq il-​kolletturi tat-​taxxi f’Ġeriko u fl-​inħawi tal-​madwar. Peress li hu qasir, ma jistax jara x’qed jiġri. Allura Żakkew jitlaq jiġri quddiemu u jitlaʼ fuq tina salvaġġa li qiegħda fit-​triq li Ġesù għaddej minnha. Minn hemm fuq, Żakkew jistaʼ jara tajjeb kulma qed jiġri. Hekk kif Ġesù jersaq eqreb u jara lil Żakkew fuq is-​siġra, hu jgħidlu: “Żakkew, isa, inżel, għax illum irrid noqgħod f’darek.” (Luqa 19:5) Żakkew jinżel u jmur jiġri d-​dar biex jilqaʼ lill-​mistieden importanti tiegħu.

Meta n-​nies jaraw x’qed jiġri, huma jibdew igergru. Huma jħossu li mhuwiex sew li Ġesù jmur fid-​dar taʼ raġel li huma jqisuh bħala midneb. Żakkew sar sinjur minn fuq dahar in-​nies li kien iqarraq bihom hu u jiġbor it-​taxxi.

Hekk kif Ġesù jidħol fid-​dar taʼ Żakkew, in-​nies jilmentaw: “Maʼ midneb mar joqgħod.” Madankollu, Ġesù jara f’Żakkew il-​potenzjali li jindem. U Ġesù ma joħroġx diżappuntat. Żakkew iqum bilwieqfa u jgħidlu: “Ara! Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-​foqra, u kulma ħadt b’qerq u b’akkuża falza mingħand xi ħadd se rroddu lura għal erbaʼ darbiet.”—Luqa 19:7, 8.

X’mod mill-​aħjar biex Żakkew jagħti prova li l-​indiema tiegħu hi ġenwina! X’aktarx li mid-​dokumenti tat-​taxxi li għandu jistaʼ jikkalkula kemm ħa flus mingħand diversi Lhud, u jwiegħed li kulma ħa se jroddu lura għal erbaʼ darbiet. Dan hu saħansitra iktar milli titlob il-​liġi t’Alla. (Eżodu 22:1; Levitiku 6:2-​5) Barra minn hekk, Żakkew iwiegħed li nofs ġidu se jagħtih lill-​foqra.

Ġesù jieħu pjaċir b’din it-​turija taʼ ndiema taʼ Żakkew u jgħidlu: “Illum ġiet is-​salvazzjoni f’din id-​dar, għax int ukoll bin Abraham. Għax Bin il-​bniedem ġie jfittex u jsalva dak li kien mitluf.”—Luqa 19:9, 10.

Dan l-​aħħar, Ġesù ffoka fuq is-​sitwazzjoni tal-​‘mitlufin’ bit-​tixbiha tiegħu dwar l-​iben il-​mitluf. (Luqa 15:11-​24) Issa ta eżempju reali taʼ xi ħadd li kien mitluf imma li nstab. Il-​mexxejja reliġjużi u s-​segwaċi tagħhom għandhom mnejn igergru kontra Ġesù u jikkritikawh talli jagħti attenzjoni lil uħud bħal Żakkew. Xorta waħda, Ġesù jkompli jfittex lil dawn l-​ulied mitlufin t’Abraham ħalli jerġgħu jissaħħu.