Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 100

It-tixbiha tiegħu tal-għaxar miniet

It-tixbiha tiegħu tal-għaxar miniet

LUQA 19:11-​28

  • IT-​TIXBIHA TAʼ ĠESÙ TAL-​GĦAXAR MINIET

Għalkemm id-​destinazzjoni taʼ Ġesù hi Ġerusalemm, jistaʼ jkun li għadu fid-​dar taʼ Żakkew mad-​dixxipli tiegħu. Huma jemmnu li “s-​saltna t’Alla” se tiġi stabbilita dalwaqt b’Ġesù bħala s-​Sultan tagħha. (Luqa 19:11) Huma ma jifhmux din il-​kwistjoni, bħalma ma fehmux li Ġesù għandu jmut. Allura Ġesù jirrakkonta tixbiha biex jgħinhom jaraw li s-​Saltna għad fadlilha mhux ħażin.

Hu jgħid: “Wieħed raġel nobbli minn twelidu vvjaġġa lejn art imbiegħda biex jikseb poter bħala sultan u mbagħad jerġaʼ lura.” (Luqa 19:12) Vjaġġ bħal dan jieħu ż-​żmien. Ġesù b’mod ċar hu r-​“raġel nobbli minn twelidu” li jivvjaġġa lejn “art imbiegħda,” jiġifieri lejn is-​sema, fejn Missieru se jagħtih il-​poter bħala sultan.

Fit-​tixbiha, qabel ma jitlaq ir-​“raġel nobbli minn twelidu,” hu jsejjaħ għandu għaxart ilsiera u jagħti lil kull wieħed minnhom mina tal-​fidda u jgħidilhom: “Innegozjawhom sakemm niġi.” (Luqa 19:13) Miniet tal-​fidda letterali huma muniti taʼ valur għoli. Bidwi jrid jaħdem tliet xhur biex jaqlaʼ mina waħda.

Id-​dixxipli għandhom mnejn jifhmu li huma bħall-​għaxart ilsiera fit-​tixbiha, għax Ġesù diġà kien qabbilhom maʼ ħaddiema fil-​ħsad. (Mattew 9:35-​38) M’għandniex xi ngħidu, hu ma talabhomx jiġbru l-​qamħ letterali. Minflok, il-​ħsad tagħhom jikkonsisti mill-​ġbir taʼ dixxipli oħrajn li jistaʼ jkollhom post fis-​“saltna t’Alla.” Id-​dixxipli jużaw kulma għandhom biex jipproduċu iktar werrieta tas-​Saltna.

Ġesù xi jsemmi iktar fit-​tixbiha tiegħu? Hu jgħid li ċ-​ċittadini “kienu jobogħduh [lir-​raġel nobbli minn twelidu] u bagħtu warajh ġemgħa t’ambaxxaturi jgħidu, ‘Lil dan ma rriduhx isir sultan fuqna.’” (Luqa 19:14) Id-​dixxipli jafu li l-​Lhud ma jaċċettawx lil Ġesù—xi wħud saħansitra jridu joqtluh. Wara li Ġesù jmut u jitlaʼ fis-​sema, il-​Lhud inġenerali juru kif iħossuhom dwaru billi jippersegwitaw lid-​dixxipli tiegħu. Dawn l-​opponenti jagħmluha ċara li ma jridux lil Ġesù bħala s-​Sultan tagħhom.—Ġwanni 19:15, 16; Atti 4:13-​18; 5:40.

L-​għaxart ilsiera kif jużaw il-​miniet tagħhom sakemm ir-​“raġel nobbli minn twelidu” jikseb “poter bħala sultan” u jerġaʼ lura? Ġesù jirrakkonta: “Meta ġie lura, wara li kiseb il-​poter bħala sultan, ordna li jissejħu quddiemu l-​ilsiera li lilhom kien ta l-​flus tal-​fidda, sabiex ikun jaf x’kienu qalgħu bin-​negozju li kienu għamlu. Imbagħad, ġie quddiemu l-​ewwel wieħed u qallu, ‘Sidi, il-​mina tiegħek qalgħet għaxar miniet.’ Għalhekk, qallu, ‘Prosit, ilsir tajjeb! Peress li wrejt fedeltà f’ħaġa żgħira ħafna, ħu l-​awtorità fuq għaxart ibliet.’ Issa ġie t-​tieni wieħed u qal, ‘Il-​mina tiegħek, Sidi, għamlet ħames miniet.’ Lil dan ukoll qallu, ‘Int, ukoll, ħu taħt idejk ħamest ibliet.’”—Luqa 19:15-​19.

Jekk id-​dixxipli jifhmu li huma bħall-​ilsiera li jużaw kulma għandhom biex jagħmlu iktar dixxipli, huma jistgħu jkunu ċerti li Ġesù se jkun kuntent bihom. U jistgħu jkunu żguri li hu se jippremja x-​xogħol iebes tagħhom. Naturalment, mhux id-​dixxipli kollha taʼ Ġesù għandhom l-​istess ċirkustanzi fil-​ħajja u lanqas m’għandhom l-​istess opportunitajiet jew abbiltajiet. Iżda Ġesù, li jikseb “poter bħala sultan,” se jirrikonoxxi u jbierek l-​isforzi leali tagħhom biex jagħmlu dixxipli.—Mattew 28:19, 20.

Imma nnota l-​kuntrast li jagħmel Ġesù minn kif jispiċċa t-​tixbiha tiegħu: “Imma ġie [lsir] ieħor u qal, ‘Sidi, hawn hi l-​mina tiegħek, li jien żammejt merfugħa f’biċċa drapp. Għax ara, bżajt minnek, peress li int raġel aħrax; tiġbor dak li ma ddepożitajtx u taħsad dak li ma żrajtx.’ Qallu, ‘Minn fommok stess niġġudikak, ilsir mill-​agħar. Kont taf, hux hekk, li jien raġel aħrax, li niġbor dak li ma ddepożitajtx u naħsad dak li ma żrajtx? Allura, għala ma poġġejtx il-​flus tal-​fidda tiegħi l-​bank? Imbagħad, meta nasal, kont niġborhom bl-​imgħax.’ Imbagħad qal lil dawk li kienu ħdejh, ‘Ħudulu l-​mina u agħtuha lil dak li għandu l-​għaxar miniet.’”—Luqa 19:20-​24.

Peress li ma jagħmel xejn biex ikabbar il-​ġid tas-​saltna taʼ sidu, dan l-​ilsir imur minn taħt. L-​appostli qed jistennew b’ħerqa r-​renju taʼ Ġesù fis-​Saltna t’Alla. Allura minn dak li jgħid dwar dan l-​ilsir tal-​aħħar, x’aktarx li jifhmu li jekk ma jkunux ħabrieka, mhux se jkollhom post f’din is-​Saltna.

Kliem Ġesù jrid iqanqal lid-​dixxipli leali biex iżidu l-​isforzi tagħhom. Hu jikkonkludi: “Ngħidilkom, Kulmin għandu, jingħatalu iktar; imma min m’għandux, jittiħidlu saħansitra dak li għandu.” Hu jżid jgħid li l-​għedewwa tiegħu, li ‘ma jriduhx isir sultan fuqhom,’ se jinqatlu. Imbagħad Ġesù jkompli l-​vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm.—Luqa 19:26-​28.