Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 112

Il-verġni jgħallmuna lezzjoni dwar il-bżonn li nibqgħu għassa

Il-verġni jgħallmuna lezzjoni dwar il-bżonn li nibqgħu għassa

MATTEW 25:1-​13

  • ĠESÙ JIRRAKKONTA T-​TIXBIHA TAL-​GĦAXAR VERĠNI

Ġesù qed iwieġeb il-​mistoqsija tal-​appostli tiegħu rigward is-​sinjal tal-​preżenza tiegħu u tal-​konklużjoni tas-​sistema. B’dan f’moħħu, issa jagħtihom xi twissijiet għaqlin permezz taʼ tixbiha oħra. U dawk ħajjin matul il-​preżenza tiegħu kellhom jaraw it-​twettiq tagħha.

Hu jibda t-​tixbiha billi jgħid: “Is-​saltna tas-​smewwiet issir bħal għaxar verġni li ħadu l-​imsiebaħ tagħhom u ħarġu jiltaqgħu maʼ l-​għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh, u ħamsa kienu għaqlin.”—Mattew 25:1, 2.

Ġesù mhux qed jgħid li nofs id-​dixxipli tiegħu li jirtu s-​Saltna tas-​smewwiet huma boloh u n-​nofs l-​ieħor huma għaqlin. Minflok, hu qed joħroġ il-​punt li f’konnessjoni mas-​Saltna, kull wieħed mid-​dixxipli tiegħu jistaʼ jagħżel li jibqaʼ għassa jew li jiġi aljenat. Imma Ġesù m’għandu ebda dubju li kull wieħed mill-​qaddejja tiegħu jistaʼ jibqaʼ leali u jirċievi l-​barkiet mingħand Missieru.

Fit-​tixbiha, l-​għaxar verġni kollha joħorġu biex jilqgħu lill-​għarus u biex jingħaqdu mal-​purċissjoni tat-​tieġ. Meta jasal, il-​verġni se jdawlu t-​triq bl-​imsiebaħ tagħhom, u b’hekk jonorawh hekk kif iġib l-​għarusa tiegħu fid-​dar imħejjija għaliha. Imma l-​affarijiet kif jiżvolġu?

Ġesù jispjega: “Il-​boloh ħadu l-​imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, filwaqt li l-​għaqlin ħadu ż-​żejt fil-​kwies [jew, reċipjenti] maʼ l-​imsiebaħ tagħhom. Peress li l-​għarus iddawwar, kollha bdew jonogħsu u raqdu.” (Mattew 25:3-​5) L-​għarus ma jasalx fil-​ħin li ħasbu huma. Donnu jiddawwar ħafna, tant li l-​verġni tmur għajnhom bihom. L-​appostli għandhom mnejn jiftakru dak li Ġesù qal dwar raġel nobbli mit-​twelid li vvjaġġa lejn art imbiegħda u “ġie lura, wara li kiseb il-​poter bħala sultan.”—Luqa 19:11-​15.

Fit-​tixbiha tal-​għaxar verġni, Ġesù jiddeskrivi x’jiġri meta l-​għarus sa fl-​aħħar jasal: “F’nofsillejl instemgħet għajta, ‘Wasal l-​għarus! Oħorġu ilqgħuh.’” (Mattew 25:6) X’inhi s-​sitwazzjoni tal-​verġni? Jinsabu huma preparati u qegħdin għassa?

Ġesù jkompli: “Imbagħad il-​verġni kollha qamu u ħejjew l-​imsiebaħ tagħhom. Il-​boloh qalu lill-​għaqlin, ‘Agħtuna ftit miż-​żejt tagħkom, għax l-​imsiebaħ tagħna dalwaqt jintfew.’ L-​għaqlin wieġbu u qalulhom, ‘Għandu mnejn ma jkunx hemm biżżejjed għalina u għalikom. Minflok morru għand dawk li jbigħuh u ixtru għalikom.’”—Mattew 25:7-​9.

Allura l-​ħames verġni boloh mhumiex għassa u mhumiex preparati għall-​wasla tal-​għarus. Huma m’għandhomx biżżejjed żejt għall-​imsiebaħ tagħhom u jkollhom imorru jixtru. Ġesù jirrakkonta: “Huma u sejrin jixtru, wasal l-​għarus, u l-​verġni li kienu lesti daħlu miegħu għall-​festa tat-​tieġ; u l-​bieb ngħalaq. Wara ġew ukoll il-​bqija tal-​verġni u qalu, ‘Sinjur, sinjur, iftħilna!’ Hu wieġeb u qalilhom, ‘Ngħidilkom il-​verità, ma nafkomx.’” (Mattew 25:10-​12) Xi tmiem taʼ niket minħabba li ma baqgħux għassa u ma kinux preparati!

L-​appostli jistgħu jifhmu li l-​għarus li jsemmi Ġesù jirreferi għalih stess. Iktar kmieni hu kien fil-​fatt xebbah lilu nnifsu maʼ għarus. (Luqa 5:34, 35) U xi ngħidu għall-​verġni għaqlin? Meta Ġesù tkellem dwar il-​“merħla żgħira,” li kienet se tingħata s-​Saltna, hu uża l-​kliem: “Ħa jkunu ġenbejkom imħażżmin u l-​imsiebaħ tagħkom mixgħulin.” (Luqa 12:32, 35) Allura f’din it-​tixbiha dwar il-​verġni, l-​appostli jistgħu jifhmu li Ġesù qed jirreferi għal dixxipli leali bħalhom. Għalhekk, x’inhu l-​messaġġ li Ġesù qed iwassal permezz taʼ din it-​tixbiha?

Ġesù ma jħalli ebda dubju dwar dan. Hu jikkonkludi t-​tixbiha tiegħu billi jgħid: “Għalhekk, ibqgħu għassa għax la tafu l-​jum u lanqas is-​siegħa.”—Mattew 25:13.

Jidher ċar li Ġesù qed iwissi lis-​segwaċi tiegħu li b’konnessjoni mal-​preżenza tiegħu, huma se jkollhom ‘jibqgħu għassa.’ Hu se jiġi, u huma għandhom bżonn ikunu preparati u għassa—bħall-​ħames verġni għaqlin—sabiex jibqgħu ffokati fuq it-​tama prezzjuża li għandhom u ma jitilfux il-​premju li jistaʼ jkun tagħhom.