Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 113

Lezzjoni dwar id-diliġenza—It-talenti

Lezzjoni dwar id-diliġenza—It-talenti

MATTEW 25:14-​30

  • ĠESÙ JAGĦTI T-​TIXBIHA TAT-​TALENTI

Waqt li għadu mal-​erbaʼ appostli fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ, Ġesù jgħidilhom tixbiha oħra. Ftit jiem qabel, waqt li kien Ġeriko, hu ta t-​tixbiha tal-​miniet biex juri li s-​Saltna kien għad fadlilha biex tiġi. It-​tixbiha li jirrakkonta issa fiha diversi aspetti simili. Hija parti mit-​tweġiba tiegħu għall-​mistoqsija dwar il-​preżenza tiegħu u l-​konklużjoni tas-​sistema dinjija. Din tenfasizza li d-​dixxipli tiegħu jridu jkunu diliġenti fix-​xogħol li jafda f’idejhom. Li jkunu diliġenti jfisser li jaħdmu iebes u bir-​reqqa.

Ġesù jibda: “Dan hu bħal raġel, li qabel ma siefer, sejjaħ lill-​ilsiera tiegħu u ħalla f’idejhom dak li kellu.” (Mattew 25:14) Peress li Ġesù diġà qabbel lilu nnifsu maʼ raġel li vvjaġġa lejn art imbiegħda “biex jikseb poter bħala sultan,” l-​appostli jistgħu jifhmu faċilment li Ġesù hu r-​“raġel” li qed jissemma issa.—Luqa 19:12.

Qabel ma jsiefer ir-​raġel fit-​tixbiha, hu jafda f’idejn l-​ilsiera tiegħu xi affarijiet taʼ valur. Matul it-​tliet snin u nofs tal-​ministeru tiegħu, Ġesù ffoka fuq li jipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, u hu ħarreġ lid-​dixxipli tiegħu biex jagħmlu dan ix-​xogħol. Issa Ġesù se jitlaq, imma hu fiduċjuż li huma se jkomplu jagħmlu dak li ħarriġhom biex jagħmlu.—Mattew 10:7; Luqa 10:1, 8, 9; qabbel Ġwanni 4:38; 14:12.

Fit-​tixbiha, ir-​raġel kif iqassam l-​affarijiet tiegħu? Ġesù jirrakkonta: “Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond l-​abbiltà tiegħu, u siefer.” (Mattew 25:15) L-​ilsiera x’se jagħmlu b’dak li fdalhom f’idejhom? Se jużawhom b’mod diliġenti ħalli jkun għall-​ġid taʼ sidhom? Ġesù jgħid lill-​appostli:

“Minnufih dak li ngħata l-​ħames talenti mar jinnegozjahom u qalaʼ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li ngħata tnejn qalaʼ tnejn oħra. Imma dak li ngħata wieħed biss telaq, ħaffer ħofra fl-​art, u ħeba l-​flus tal-​fidda taʼ sidu.” (Mattew 25:16-​18) X’se jiġri meta s-​sid jerġaʼ lura?

Ġesù jkompli jgħid: “Wara żmien twil ġie sid dawk l-​ilsiera u għamel il-​kontijiet magħhom.” (Mattew 25:19) L-​ewwel tnejn għamlu kulma setgħu, “kull wieħed skond l-​abbiltà tiegħu.” Iż-​żewġt ilsiera kienu diliġenti, ħabrieka, u produttivi b’dak li ġie fdat lilhom. Dak li ngħata ħames talenti rdoppjahom, kif għamel ukoll dak li ngħata żewġ talenti. (Lura dak iż-​żmien, ħaddiem kien ikollu jaħdem xi 19-​il sena biex jaqlaʼ daqs talent wieħed.) Is-​sid ifaħħar lil kull wieħed minnhom billi jgħid: “Prosit, ilsir tajjeb u leali! Int urejt fedeltà fi ftit. Jien se naħtrek fuq ħafna. Ifraħ maʼ sidek.”—Mattew 25:21.

Imma l-​ilsir li ngħata talent wieħed m’għamilx bħalhom. Hu jgħid: “Sidi, jien kont naf li int raġel li tippretendi ħafna, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Għalhekk bżajt, u mort ħbejt it-​talent tiegħek fl-​art. Hawn għandek dak li hu tiegħek.” (Mattew 25:24, 25) Hu lanqas biss kien tefaʼ l-​flus il-​bank biex għall-​inqas ikun jistaʼ jagħmel xi profitt għal sidu. Nistgħu ngħidu li hu ħadem kontra l-​interessi taʼ sidu.

Bix-​xieraq, is-​sid isejjaħlu “lsir għażżien u mill-​agħar.” Dak li kellu jittiħidlu u jingħata lill-​ilsir li hu lest li jaħdem b’mod diliġenti. Is-​sid jgħid b’liema prinċipju jimxi: “Kulmin għandu, jingħatalu iktar u jkollu bl-​abbundanza; imma min m’għandux, jittiħidlu saħansitra dak li għandu.”—Mattew 25:26, 29.

Id-​dixxipli taʼ Ġesù għandhom ħafna fuq xiex jaħsbu, anki b’konnessjoni maʼ din it-​tixbiha biss. Huma jistgħu jaraw li dak li Ġesù qed jafdalhom f’idejhom—il-​privileġġ prezzjuż li jagħmlu dixxipli—hu taʼ valur kbir. U hu jistenna li huma jaħdmu iebes f’dan il-​privileġġ. Ġesù mhux qed jgħid li kollha jridu jwettqu l-​istess fix-​xogħol tal-​ippritkar li kkmandahom jagħmlu. Kif wera fit-​tixbiha, kull wieħed għandu jagħmel kulma jistaʼ “skond l-​abbiltà tiegħu.” Dan b’ebda mod ma jfisser li Ġesù se jieħu pjaċir jekk xi ħadd ikun “għażżien” u ma jagħmilx l-​aħjar tiegħu biex jieħu ħsieb l-​affarijiet tas-​sid.

Iżda min jaf kemm din l-​assiguranza tferraħ lill-​appostli: “Kulmin għandu, jingħatalu iktar”!