Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 114

Kristu bħala Sultan jiġġudika n-nagħaġ u l-mogħoż

Kristu bħala Sultan jiġġudika n-nagħaġ u l-mogħoż

MATTEW 25:31-​46

  • ĠESÙ JAGĦTI T-​TIXBIHA TAN-​NAGĦAĠ U L-​MOGĦOŻ

Fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ, Ġesù għadu kemm irrakkonta t-​tixbihat tal-​għaxar verġni u tat-​talenti. Kif itemm it-​tweġiba tiegħu għall-​mistoqsija tal-​appostli dwar is-​sinjal tal-​preżenza tiegħu u tal-​konklużjoni tas-​sistema? Dan jagħmlu b’tixbiha tal-​aħħar, waħda dwar in-​nagħaġ u l-​mogħoż.

Ġesù jibda billi jdaħħalhom fir-​rakkont, hu jgħid: “Meta Bin il-​bniedem jasal fil-​glorja tiegħu, u l-​anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod bil-​qiegħda fuq it-​tron glorjuż tiegħu.” (Mattew 25:31) Il-​karattru prinċipali f’din it-​tixbiha hu Ġesù stess, u dan jurih b’mod ċar. Ġesù spiss sejjaħ lilu nnifsu “Bin il-​bniedem.”—Mattew 8:20; 9:6; 20:18, 28.

Din it-​tixbiha meta se titwettaq? Meta Ġesù “jasal fil-​glorja tiegħu” mal-​anġli u joqgħod bilqiegħda “fuq it-​tron glorjuż tiegħu.” Hu diġà kien tkellem dwar li “Bin il-​bniedem ġej fuq is-​sħab tas-​sema b’qawwa u glorja kbira” flimkien mal-​anġli tiegħu. Dan meta kellu jseħħ? “Minnufih wara t-​tribulazzjoni.” (Mattew 24:29-​31; Marku 13:26, 27; Luqa 21:27) Allura din it-​tixbiha se titwettaq fil-​futur meta Ġesù jasal fil-​glorja. Imbagħad x’se jagħmel?

Ġesù jispjega: “Meta Bin il-​bniedem jasal . . . , il-​ġnus kollha jinġabru quddiemu, u hu jifred lin-​nies, wieħed mill-​ieħor, bħalma ragħaj jifred in-​nagħaġ mill-​mogħoż. U jpoġġi lin-​nagħaġ fuq il-​lemin tiegħu u l-​mogħoż fuq ix-​xellug.”—Mattew 25:31-​33.

Rigward in-​nagħaġ, li jifridhom fuq in-​naħa tal-​lemin, Ġesù jgħid: “Imbagħad is-​sultan jgħid lil dawk fuq il-​lemin tiegħu, ‘Ejjew intom, imberkin minn Missieri, irtu s-​saltna mħejjija għalikom mit-​tisjis tad-​dinja.’” (Mattew 25:34) In-​nagħaġ għala jiġu approvati mis-​Sultan?

Is-​Sultan jispjega: “Kont bil-​ġuħ u tajtuni x’niekol; qabadni l-​għatx u tajtuni x’nixrob. Kont stranġier u lqajtuni bl-​ospitalità; kont għarwien, u libbistuni. Kont marid u ħadtu ħsiebi. Kont il-​ħabs u ġejtu żżuruni.” Meta dawn in-​nagħaġ, jiġifieri “n-​nies sewwa,” jistaqsu b’liema mod għamlu dawn l-​affarijiet tajbin, hu jwiġibhom: “Kulmeta għamiltu dan maʼ wieħed mill-​iżgħar minn dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” (Mattew 25:35, 36, 40, 46) Dawn l-​għemejjel tajbin ma jagħmluhomx fis-​sema, għax hemmhekk m’hemmx uħud morda jew bil-​ġuħ. Dawn l-​għemejjel bilfors li jsiru maʼ ħut Kristu fuq l-​art.

Xi ngħidu għall-​mogħoż, li jitpoġġew fuq in-​naħa tax-​xellug? Ġesù jgħid: “Imbagħad wara [s-​Sultan] jgħid lil dawk fuq ix-​xellug tiegħu, ‘Itilqu minn quddiemi, ja misħutin, fin-​nar taʼ dejjem imħejji għax-​Xitan u l-​anġli tiegħu. Għax kont bil-​ġuħ, imma ma tajtunix x’niekol, u qabadni l-​għatx, imma ma tajtunix x’nixrob. Kont stranġier, imma ma lqajtunix bl-​ospitalità; kont għarwien, imma ma libbistunix; kont marid u fil-​ħabs, imma ma ħadtux ħsiebi.’” (Mattew 25:41-​43) Dan il-​ġudizzju hu mistħoqq għax il-​mogħoż ma ttrattawx lil ħut Kristu fuq l-​art b’qalb tajba, kif imisshom għamlu.

L-​appostli jsiru jafu li dan iż-​żmien taʼ ġudizzju fil-​futur se jkollu konsegwenzi permanenti—jiġifieri dejjiema. Ġesù jgħid: “Imbagħad [is-​Sultan] jgħidilhom, ‘Tassew ngħidilkom, Kulmeta m’għamiltux dan maʼ wieħed minn dawn l-​iżgħar uħud, m’għamiltuhx miegħi.’ U dawn imorru fil-​qtugħ taʼ dejjem, imma n-​nies sewwa fil-​ħajja taʼ dejjem.”—Mattew 25:45, 46.

It-​tweġiba taʼ Ġesù għall-​mistoqsija tal-​appostli tagħti lis-​segwaċi tiegħu ħafna fuq xiex jaħsbu, billi tgħinhom jeżaminaw l-​attitudnijiet u l-​għemejjel tagħhom.