Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 116

Jgħallem l-umiltà fl-aħħar ikla tal-Qbiż

Jgħallem l-umiltà fl-aħħar ikla tal-Qbiż

MATTEW 26:20 MARKU 14:17 LUQA 22:14-​18 ĠWANNI 13:1-​17

  • ĠESÙ JIEKOL L-​AĦĦAR IKLA TAL-​QBIŻ TIEGĦU MAL-​APPOSTLI

  • JGĦALLEM LEZZJONI BILLI JAĦSEL SAQAJN L-​APPOSTLI

Bid-​direzzjoni taʼ Ġesù, Pietru u Ġwanni diġà waslu Ġerusalemm biex jippreparaw għall-​Qbiż. Iktar tard, Ġesù u l-​għaxar appostli l-​oħra jerħulha lejn Ġerusalemm. Sar waranofsinhar, u hekk kif Ġesù u d-​dixxipli huma neżlin minn fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ tibda nieżla x-​xemx. Din hi l-​aħħar darba li Ġesù se jara din il-​veduta binhar sa wara l-​irxoxt tiegħu.

Ġesù u d-​dixxipli ma jdumux ma jaslu l-​belt u jmorru fid-​dar fejn se jiċċelebraw il-​Qbiż. Huma jitilgħu t-​taraġ li jwassalhom fil-​kamra l-​kbira taʼ fuq. Hemmhekk isibu li saru l-​preparamenti kollha għall-​ikla privata tagħhom. Ġesù ilu jħares ’il quddiem għal din l-​okkażjoni, għax jgħid: “Kelli xewqa kbira li niekol din l-​ikla tal-​Qbiż magħkom qabel ma nbati.”—Luqa 22:15.

Ħafna snin qabel, inbdiet id-​drawwa li fost il-​parteċipanti tal-​Qbiż idawru kwies bl-​inbid. Issa, wara li jingħata kies minnhom, Ġesù jrodd ħajr u jgħid: “Ħudu dan u għadduh lil xulxin minn wieħed għall-​ieħor; għax ngħidilkom, Minn issa ’l quddiem ma nerġax nixrob mill-​prodott tad-​dielja sakemm tasal is-​saltna t’Alla.” (Luqa 22:17, 18) Minn dan, l-​appostli għandhom jifhmu li qorbot mewtu.

F’xi ħin waqt l-​ikla tal-​Qbiż, isseħħ xi ħaġa mhux tas-​soltu. Ġesù jqum, ineħħi l-​mantar tiegħu, u jaqbad xugaman. Imbagħad jagħmel ftit ilma ġo friskatur. Normalment, sid id-​dar jara li saqajn il-​mistidnin tiegħu jiġu maħsulin, forsi minn xi lsir. (Luqa 7:44) Imma f’din l-​okkażjoni m’hemmx sid id-​dar preżenti, allura Ġesù jagħmel dan hu stess. Xi ħadd mill-​appostli setaʼ jieħu l-​opportunità biex jagħmel dan, imma ħadd minnhom ma jieħu l-​inizjattiva. Jistaʼ jkun li għad hemm xi pika bejniethom? Hi x’inhi r-​raġuni, huma jħossuhom imbarazzati li Ġesù se jaħslilhom saqajhom.

Meta Ġesù jmur biex jaħsel saqajn Pietru, dan jipprotesta u jgħid: “Żgur li qatt m’int se taħsilli saqajja.” Ġesù jwieġbu: “Jekk ma naħsilhomlokx, ma jkollok ebda sehem miegħi.” Pietru mill-​fond taʼ qalbu jgħidlu: “Mulej, mhux saqajja biss, imma wkoll idejja u rasi.” Mela min jaf kemm jissorprendi ruħu meta Ġesù jgħid: “Min inħasel, saqajh biss għandu bżonn jinħaslulu, għax ikun nadif kollu kemm hu. U intom nodfa, imma mhux ilkoll.”—Ġwanni 13:8-​10.

Ġesù jaħsel saqajn it-​12, inkluż saqajn Ġuda l-​Iskarjota. Wara li jerġaʼ jilbes il-​mantar tiegħu u joqgħod mal-​mejda, Ġesù jistaqsi: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli, ‘Għalliem,’ u, ‘Mulej,’ u sewwa tgħidu, għax hekk jien. Għalhekk, jekk jien, għalkemm Mulej u Għalliem, ħsiltilkom saqajkom, intom ukoll għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax ħallejtilkom mudell sabiex, bħalma għamiltilkom jien, tagħmlu intom ukoll. Tassew, tassew, ngħidilkom, L-​ilsir mhux akbar minn sidu, lanqas il-​mibgħut m’hu akbar minn dak li bagħtu. Jekk tafu dan, henjin intom jekk tagħmluh.”—Ġwanni 13:12-​17.

X’lezzjoni mill-​isbaħ dwar kif wieħed juri l-​umiltà! Is-​segwaċi taʼ Ġesù m’għandhomx ifittxu l-​pożizzjoni ewlenija, billi jaħsbu li huma importanti u li jmisshom jiġu moqdijin. Minflok, huma għandhom isegwu l-​eżempju taʼ Ġesù, mhux billi jaħslu s-​saqajn bħala sempliċi ritwal, imma billi jkunu lesti li jaqdu lil oħrajn bl-​umiltà u mingħajr parzjalità.