Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 121

“Agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-dinja”

“Agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-dinja”

ĠWANNI 16:1-​33

  • L-​APPOSTLI DALWAQT MHUX SE JARAW LIL ĠESÙ IKTAR

  • IN-​NIKET TAL-​APPOSTLI SE JINBIDEL F’FERĦ

Ġesù u l-​appostli huma lesti biex jitilqu mill-​kamra taʼ fuq fejn kielu l-​ikla tal-​Qbiż. Peress li għadu kemm tahom diversi twissijiet, Ġesù jżid jgħid: “Għedtilkom dan biex ma titfixklux.” Din it-​twissija għala hija xierqa? Hu jgħidilhom: “Għad ikeċċukom mis-​sinagoga. Fil-​fatt, ġejja s-​siegħa meta kulmin joqtolkom jimmaġina li qed jagħti servizz sagru lil Alla.”—Ġwanni 16:1, 2.

Dan għandu mnejn jinkwetahom lill-​appostli. Għalkemm Ġesù iktar qabel kien qal li d-​dinja kienet se tobgħodhom, hu ma kienx qalilhom direttament li kienu se jinqatlu. Għala le? Hu jgħidilhom: “Dan m’għedthulkomx mill-​ewwel, għax kont magħkom.” (Ġwanni 16:4) Issa qed jippreparahom qabel ma jitlaq. Dan forsi jgħinhom biex ma jitfixklux fil-​futur.

Ġesù jkompli jgħid: “Sejjer għand dak li bagħatni, u ħadd minnkom ma jistaqsini, ‘Fejn sejjer?’” Iktar kmieni dan il-​lejl, huma kienu staqsewh dwar fejn kien sejjer. (Ġwanni 13:36; 14:5; 16:5) Imma issa, maħsudin minħabba dak li qal dwar il-​persekuzzjoni, huma mitlufin fin-​niket tagħhom stess. B’hekk, ma jistaqsux iktar dwar il-​glorja li hemm tistennieh jew dwar x’se jkun ifisser dan għall-​aduraturi veri. Ġesù jgħidilhom: “Għax għedtilkom dan, qlubkom imtlew bin-​niket.”—Ġwanni 16:6.

Imbagħad Ġesù jispjega: “Hu għall-​ġid tagħkom li se nitlaq. Għax jekk ma nitlaqx, l-​ajjutant żgur ma jiġix għandkom; iżda jekk immur, nibagħthulkom.” (Ġwanni 16:7) L-​uniku mod kif id-​dixxipli jistgħu jirċievu l-​ispirtu qaddis hu jekk Ġesù jmut u jmur fis-​sema. U hu jistaʼ jibgħat dan l-​ajjutant lin-​nies tiegħu jkunu fejn ikunu fid-​dinja.

L-​ispirtu qaddis se “jagħti prova konvinċenti lid-​dinja dwar id-​dnub, dwar is-​sewwa, u dwar il-​ġudizzju.” (Ġwanni 16:8) Iva, se jidher ċar daqs il-​kristall li l-​biċċa l-​kbira min-​nies m’eżerċitawx fidi fl-​Iben t’Alla. Meta Ġesù jitlaʼ fis-​sema dan se jagħti prova konvinċenti dwar is-​sewwa tiegħu u se juri għala Satana, “il-​ħakkiem taʼ din id-​dinja,” ħaqqu jiġi kundannat.—Ġwanni 16:11.

“Għad għandi ħafna x’ngħidilkom,” ikompli jgħid Ġesù, “imma fil-​preżent ma tifilħux għalih.” L-​ispirtu qaddis, li Ġesù se jferraʼ fuqhom, se jgħinhom jifhmu “l-​verità kollha,” u se jkunu jistgħu jgħixu fi qbil maʼ din il-​verità.—Ġwanni 16:12, 13.

L-​appostli jitħawdu minħabba dak li Ġesù jkompli jgħid: “Ftit ieħor u ma tarawnix iktar; jerġaʼ ftit ieħor u tarawni.” Huma jistaqsu lil xulxin xi jrid ifisser b’dan il-​kliem. Ġesù jinduna li huma jridu jistaqsuh dwar dan, allura jispjegalhom: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Intom tibku u tolfqu, imma d-​dinja tifraħ; intom titnikktu, imma n-​niket tagħkom jinbidel f’ferħ.” (Ġwanni 16:16, 20) Fi ftit sigħat oħra, meta Ġesù jiġi maqtul, il-​mexxejja reliġjużi jifirħu, imma d-​dixxipli jitnikktu. Imbagħad in-​niket tagħhom jinbidel f’ferħ meta Ġesù jiġi rxoxtat! U l-​ferħ tagħhom jiżdied meta jferraʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla fuqhom.

Ġesù jqabbel is-​sitwazzjoni tal-​appostli maʼ dik taʼ mara waqt l-​uġigħ tal-​ħlas billi jgħid: “Meta tkun qed tiled, mara jkollha n-​niket, għax tkun waslet is-​siegħa tagħha; imma meta tkun wildet it-​tarbija, ma tiftakarx iktar it-​tribulazzjoni minħabba l-​ferħ li jkun twieled bniedem fid-​dinja.” Ġesù jinkuraġġixxi lill-​appostli tiegħu billi jgħid: “Bl-​istess mod, intom ukoll qed ikollkom in-​niket issa; imma jien nerġaʼ narakom u qlubkom jithennew, u l-​ferħ tagħkom ħadd ma jiħodhulkom.”—Ġwanni 16:21, 22.

S’issa, l-​appostli qatt ma talbu xi ħaġa f’isem Ġesù. Imma issa jgħidilhom: “Dakinhar titolbu [lill-​Missier] f’ismi.” Għala se jagħmlu dan? Mhux għax il-​Missier ma jkunx irid iwiġibhom. Infatti, Ġesù jgħid: “Il-​Missier innifsu jurikom affezzjoni, għax lili wrejtuni affezzjoni . . . bħala r-​rappreżentant tal-​Missier.”—Ġwanni 16:26, 27.

Il-​kliem inkuraġġanti taʼ Ġesù lill-​appostli għandu mnejn tant qawwielhom qalbhom li jgħidu: “B’dan nemmnu li int ħriġt mingħand Alla.” Din il-​konvinzjoni mhux se ddum ma tiġi mġarrba. Infatti, Ġesù jiddeskrivi dak li se jseħħ dalwaqt: “Ara! Ġejja s-​siegħa, u tabilħaqq ġiet, meta tixterdu kull wieħed lejn daru u tħalluni waħdi.” Iżda jassigurahom billi jgħidilhom: “Għedtilkom dan sabiex permezz tiegħi jkollkom il-​paċi. Fid-​dinja qed ikollkom it-​tribulazzjoni, imma agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-​dinja.” (Ġwanni 16:30-​33) Le, Ġesù mhux qed jabbandunahom. Hu ċert li anki huma jistgħu jirbħu lid-​dinja, kif għamel hu, billi jwettqu r-​rieda t’Alla b’lealtà minkejja l-​attentati taʼ Satana u d-​dinja tiegħu biex ikissru l-​integrità tagħhom.