KAPITLU 136
Fuq xatt il-Baħar tal-Galilija
-
ĠESÙ JIDHER ĦDEJN IL-BAĦAR TAL-GALILIJA
-
PIETRU U OĦRAJN GĦANDHOM JITIMGĦU N-NAGĦAĠ
Fl-aħħar lejla tiegħu mal-appostli, Ġesù kien qalilhom: “Wara li niġi mqajjem, immur qabilkom fil-Galilija.” (Mattew 26:32; 28:7, 10) Issa ħafna mis-segwaċi tiegħu jagħmlu dan il-vjaġġ, imma xi jridu jagħmlu l-Galilija?
Ħin minnhom Pietru jgħid lil sitta mill-appostli: “Sejjer nistad.” Is-sitta li huma jwiġbuh: “Aħna wkoll ġejjin miegħek.” (Ġwanni 21:3) Jagħmlu lejl sħiħ jistadu imma ma jaqbdu xejn. Hekk kif jibda jisbaħ, Ġesù jidher fuq ix-xatt imma ma jirrealizzawx min hu. Ġesù jgħajjat: “Uliedi żgħar, għandkom x’tieklu?” Huma jwiġbuh: “Le!” Ġesù jgħidilhom: “Itfgħu x-xibka fuq in-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu xi ftit.” (Ġwanni 21:5, 6) Tant kemm jaqbdu ħut ma jistgħux itellgħu x-xibka tagħhom.
“Dak il-Mulej!” Ġwanni jgħid lil Pietru. (Ġwanni 21:7) F’kemm ilna ngħidu, Pietru jitħażżem bil-libsa tiegħu, li kien neħħa waqt li kien qed jistad. Jintefaʼ l-baħar u jgħum xi disgħin metru sax-xatt. L-oħrajn fid-dgħajsa jsegwuh bil-mod u qed ikaxkru x-xibka mimlija ħut.
Hekk kif jaslu fuq ix-xatt, huma jaraw “nar tal-faħam u l-ħut fuqu u l-ħobż.” Ġesù jgħid: “Ġibu ftit mill-ħut li għadkom kif qbadtu.” Pietru jiġbed lejn l-art ix-xibka, li fiha 153 ħuta kbira! “Ejjew ħudu l-kolazzjon,” jgħid Ġesù. Ħadd minnhom m’għandu l-kuraġġ jistaqsi, “Min int?” għax jafu li hu Ġesù. (Ġwanni 21:9-12) Din hi t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli bħala grupp.
Ġesù jagħti lil kull wieħed minnhom xi ħobż u ħut x’jieklu. Imbagħad, billi x’aktarx iħares lejn il-qabda ħut, hu jistaqsi: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int iktar minn dawn?” Jistaʼ jkun li Pietru għandu għal qalbu n-negozju tas-sajd iktar mix-xogħol li Ġesù jridu jagħmel? Pietru jwieġbu: “Iva, Mulej, taf li għandi affezzjoni lejk.” Għalhekk, Ġesù jħeġġu: “Itmaʼ l-ħrief tiegħi.”—Ġwanni 21:15.
Ġesù jerġaʼ jistaqsi: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” Forsi xi ftit mifxul, Pietru b’ħerqa jwieġeb: “Iva, Mulej, taf li għandi affezzjoni lejk.” Ir-risposta taʼ Ġesù hi simili għal dak li qal qabel: “Irgħa n-nagħaġ ċkejknin tiegħi.”—Ġwanni 21:16.
Għat-tielet darba, Ġesù jistaqsi: “Xmun bin Ġwanni, għandek int affezzjoni lejja?” Issa Pietru forsi qed jaħseb jekk Ġesù huwiex jiddubita mil-lealtà tiegħu. Pietru mill-fond taʼ qalbu jgħid: “Mulej, int taf kollox, u taf li għandi affezzjoni lejk.” Ġesù għal darb’oħra jenfasizza x’għandu jagħmel Pietru: “Itmaʼ n-nagħaġ ċkejknin tiegħi.” (Ġwanni 21:17) Iva, dawk li qed jieħdu t-tmexxija jeħtieġ li jieħdu ħsieb lil dawk li jiddaħħlu fil-maqjel t’Alla.
Ġesù ġie marbut u nqatel għax għamel ix-xogħol li Alla inkarigah biex jagħmel. Issa jgħid li Pietru se jkollu tmiem simili. “Meta int kont iżgħar,” jgħid Ġesù, “kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid. Imma meta tixjieħ se toħroġ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tixtieqx.” Iżda Ġesù jħeġġu: “Ibqaʼ miexi warajja.”—Ġwanni 21:18, 19.
Pietru jara lill-appostlu Ġwanni u jistaqsi: “Mulej, dan ir-raġel x’se jagħmel?” Iva, x’hemm jistennieh fil-futur lill-appostlu li Ġesù għandu affezzjoni speċjali lejh? Ġesù jwieġeb: “Jekk irridu jibqaʼ sakemm niġi jien, int x’jinteressak?” (Ġwanni 21:21-23) Pietru għandu jsegwi lil Ġesù mingħajr ma joqgħod jinkwieta x’jagħmel ħaddieħor. Xorta waħda, Ġesù qed jindika li Ġwanni se jgħix iktar mill-appostli l-oħra u se jingħata viżjoni dwar il-miġja taʼ Ġesù bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla.
M’għandniex xi ngħidu, Ġesù għamel ħafna iktar affarijiet, iktar milli jistgħu jesgħu bosta rombli.