Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 70

Ġesù jfejjaq raġel li twieled agħma

Ġesù jfejjaq raġel li twieled agħma

ĠWANNI 9:1-​18

  • JIĠI MFEJJAQ TALLAB AGĦMA MIT-​TWELID

Ġesù għadu Ġerusalemm fis-​Sabat. Hekk kif hu u d-​dixxipli tiegħu jkunu mexjin fil-​belt, jaraw tallab li ilu agħma mit-​twelid. Id-​dixxipli jistaqsu lil Ġesù: “Rabbi, min dineb, dan ir-​raġel jew il-​ġenituri tiegħu, biex twieled agħma?”—Ġwanni 9:2.

Id-​dixxipli jafu li r-​raġel m’għandux ruħ inviżibbli li eżistiet qabel ma twieled, imma huma forsi jridu jkunu jafu jekk xi ħadd jistax jidneb waqt li jkun għadu fil-​ġuf t’ommu. Ġesù jwieġeb: “La dan ir-​raġel ma dineb u lanqas il-​ġenituri tiegħu, imma dan ġara sabiex fil-​każ tiegħu jintwerew l-​għemejjel t’Alla.” (Ġwanni 9:3) Allura la dan ir-​raġel u lanqas il-​ġenituri tiegħu ma kienu ħatjin taʼ xi żball jew dnub speċifiku li minħabba fih twieled agħma. Minflok, minħabba d-​dnub t’Adam, il-​bnedmin kollha jitwieldu imperfetti u mhumiex ħelsien mid-​difetti, bħan-​nuqqas taʼ dawl. Imma l-​fatt li dan ir-​raġel hu agħma jagħti opportunità lil Ġesù biex juri l-​għemejjel t’Alla, bħalma għamel drabi oħra meta fejjaq lin-​nies mill-​mard tagħhom.

Ġesù jenfasizza li dawn l-​għemejjel huma urġenti. “Irridu nwettqu l-​għemejjel taʼ dak li bagħatni waqt li hu bi nhar” jgħid hu. “Ġej il-​lejl meta ebda bniedem ma jkun jistaʼ jaħdem. Sakemm qiegħed fid-​dinja, jien id-​dawl tad-​dinja.” (Ġwanni 9:4, 5) Iva, il-​mewt taʼ Ġesù dalwaqt se titfgħu ġod-​dlam tal-​qabar fejn ma jkun jistaʼ jagħmel xejn. Sadanittant, hu sors taʼ tidwil għad-​dinja.

Imma Ġesù se jfejqu lir-​raġel, u jekk iva, kif? Ġesù jobżoq fl-​art u bil-​bżieq jagħmel it-​tajn. Ipoġġi ftit minnu fuq għajnejn ir-​raġel agħma u jgħid: “Mur inħasel fl-​għadira taʼ Silogħam.” (Ġwanni 9:7) Ir-​raġel jobdih. Meta jagħmel dan, hu jibda jara! Immaġina kemm hu ferħan hekk kif jara għall-​ewwel darba f’ħajtu!

Ġirien u oħrajn li kienu jafu lil dan ir-​raġel agħma jibqgħu mbellhin. “Dan mhux ir-​raġel li kien joqgħod bil-​qiegħda jittallab?” jistaqsu huma. “Dan hu,” iwieġbu xi wħud. Imma oħrajn ma jistgħux jemmnu ’l għajnejhom u jgħidu: “Le mhux hu, imma jixbhu.” Ir-​raġel innifsu jgħid: “Jien hu.”—Ġwanni 9:8, 9.

Għalhekk, huma jistaqsuh: “Allura, kif infetħulek għajnejk?” Hu jwiġibhom: “Ir-​raġel li jgħidulu Ġesù għamel it-​tajn, poġġihuli fuq għajnejja, u qalli, ‘Mur Silogħam u nħasel.’ Għalhekk, mort u nħsilt u ksibt id-​dawl.” Huma mbagħad jistaqsu: “Fejn hu dak ir-​raġel?” It-​tallab iwieġeb: “Ma nafx.”—Ġwanni 9:10-​12.

In-​nies jieħdu lir-​raġel għand il-​Fariżej, li anki huma jridu jkunu jafu kif ġie jara. Hu jgħidilhom: “Poġġa t-​tajn fuq għajnejja, u nħsilt u ġejt nara.” Kienet tkun ħaġa naturali kieku l-​Fariżej qabdu jifirħu mat-​tallab imfejjaq. Imma minflok, xi wħud minnhom jikkundannaw lil Ġesù. Huma jgħidu: “Dan ir-​raġel mhux ġej minn Alla, għax ma josservax is-​Sabat.” Jerġaʼ oħrajn jgħidu: “Kif jistaʼ raġel midneb iwettaq sinjali bħal dawn?” (Ġwanni 9:15, 16) Allura mhumiex tal-​istess fehma.

B’dawn l-​opinjonijiet differenti, huma jduru fuq ir-​raġel li issa jistaʼ jara u jistaqsuh: “X’tgħid dwaru, peress li fetaħlek għajnejk?” Hu m’għandu l-​ebda dubju dwar Ġesù u jgħidilhom: “Hu profeta.”—Ġwanni 9:17.

Il-​Lhud jirrifjutaw li jemmnu dan. Huma għandhom mnejn jaħsbu li hemm xi konfoffa bejn Ġesù u dan ir-​raġel biex iqarrqu bin-​nies. Huma jikkonkludu li mod kif jissetiljaw il-​kwistjoni hu billi jistaqsu lill-​ġenituri tat-​tallab jekk verament kienx agħma.