Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 71

Il-Fariżej jiffaċċjaw lir-raġel li kien agħma

Il-Fariżej jiffaċċjaw lir-raġel li kien agħma

ĠWANNI 9:19-​41

  • IL-​FARIŻEJ JIFFAĊĊJAW LIR-​RAĠEL LI KIEN AGĦMA

  • IL-​MEXXEJJA RELIĠJUŻI HUMA “GĦOMJA”

Il-​Fariżej ma jistgħux jaċċettaw il-​fatt li Ġesù fejjaq lir-​raġel li twieled agħma, allura jsejħu lill-​ġenituri tiegħu. Il-​ġenituri jafu li jistaʼ jagħti l-​każ li ‘jitkeċċew mis-​sinagoga.’ (Ġwanni 9:22) Il-​fatt li ma jitħallewx jissieħbu maʼ Lhud oħrajn kien iġib konsegwenzi serji soċjalment u ekonomikament fuq il-​familja.

Il-​Fariżej jistaqsu żewġ mistoqsijiet: “Dan binkom li tgħidu li twieled agħma? Allura issa kif qed jara?” Il-​ġenituri jwieġbu: “Nafu li dan hu t-​tifel tagħna li twieled agħma. Imma kif issa qed jara ma nafux, u lanqas nafu min fetaħlu għajnejh.” Anki jekk binhom qalilhom x’ġara, il-​ġenituri joqogħdu attenti kif iwieġbu u jgħidu: “Staqsu lilu. Għandu l-​età tiegħu. Ħa jitkellem għalih innifsu.”—Ġwanni 9:19-​21.

Għalhekk, il-​Fariżej jerġgħu jsejħu lir-​raġel u jipprovaw ibeżżgħuh billi jsostnu li għandhom xi evidenza kontra Ġesù. “Agħti glorja lil Alla,” huma jinsistu. “Aħna nafu li dan ir-​raġel hu midneb.” Biex ineħħi l-​attenzjoni minn fuq l-​akkuża tagħhom, ir-​raġel li kien agħma jgħid: “Jekk hux midneb jien ma nafx.” Iżda jkompli jgħid: “Ħaġa waħda naf, li kont agħma u issa qed nara.”—Ġwanni 9:24, 25.

Il-​Fariżej mhumiex kuntenti jieqfu hawn u jgħidu: “X’għamillek? Kif fetaħlek għajnejk?” Ir-​raġel juri l-​kuraġġ meta jwieġeb: “Diġà għedtilkom u ma smajtux. Għala tridu terġgħu tisimgħu dan? Ma tridux issiru dixxipli tiegħu wkoll, hux?” Irrabjati għall-​aħħar, il-​Fariżej jakkużawh: “Int dixxiplu tiegħu, imma aħna dixxipli taʼ Mosè. Aħna nafu li Alla kellem lil Mosè; imma dan ir-​raġel ma nafux minfejn hu.”—Ġwanni 9:26-​29.

Bi stagħġib, it-​tallab jgħid: “Din tassew ħaġa taʼ l-​għaġeb, li ma tafux minfejn hu, u madankollu lili fetaħli għajnejja.” Ir-​raġel imbagħad juża raġunar loġiku biex juri min huma dawk li Alla jismaʼ u japprova: “Nafu li Alla ma jismax lill-​midinbin, imma jekk xi ħadd jibżaʼ minn Alla u jagħmel ir-​rieda tiegħu, lil dan jisimgħu. Mill-​qedem qatt ma nstemaʼ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed imwieled agħma.” Dan iwassal għal din il-​konklużjoni: “Kieku dan ir-​raġel ma kienx ġej minn Alla, ma kien ikun jistaʼ jagħmel xejn.”—Ġwanni 9:30-​33.

Peress li ma jistgħux imieru l-​irraġunar tat-​tallab, il-​Fariżej ikażbruh billi jgħidulu: “Int twilidt kollok kemm int fid-​dnubiet u tgħallem lilna?” Imbagħad jitfgħuh ’il barra.—Ġwanni 9:34.

Meta Ġesù jsir jaf x’ġara, isib lir-​raġel u jistaqsih: “Qiegħed int tpoġġi l-​fidi f’Bin il-​bniedem?” Ir-​raġel imfejjaq iwieġeb: “U min hu, sinjur, biex inpoġġi l-​fidi fih?” Biex ma jħalli ebda dubju, Ġesù jgħidlu: “Int rajtu u, barra minn dan, hu dak li qed jitkellem miegħek.”—Ġwanni 9:35-​37.

Ir-​raġel iwieġeb: “Jien tassew inpoġġi l-​fidi fih, Mulej.” Bħala turija taʼ fidi u rispett, ir-​raġel imil quddiem Ġesù. Imbagħad Ġesù jagħmel din l-​istqarrija profonda: “Għal dan il-​ġudizzju ġejt f’din id-​dinja: biex dawk li ma jarawx, jaraw, u dawk li jaraw, isiru għomja.”—Ġwanni 9:38, 39.

Il-​Fariżej, li nzertaw qegħdin hemm, jafu li mhumiex għomja. Imma xi ngħidu għall-​irwol li suppost għandhom bħala gwidi spiritwali? Huma b’mod difensiv jistaqsu: “M’aħniex għomja aħna wkoll, hux?” Ġesù jgħid: “Kieku kontu għomja, ma kien ikollkom ebda dnub. Imma issa qed tgħidu, ‘Aħna naraw.’ Dnubkom jibqaʼ.” (Ġwanni 9:40, 41) Li kieku ma kinux għalliema f’Iżrael, forsi ma kinitx tkun ħaġa daqstant kbira li jiċħdu lil Ġesù bħala l-​Messija. Imma bl-​għarfien li għandhom tal-​Liġi, il-​fatt li jiċħduh hu dnub serju.