Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU TNEJN

Il-Bibbja—Ktieb mingħand Alla

Il-Bibbja—Ktieb mingħand Alla

1, 2. Il-​Bibbja għala hi rigal mill-​isbaħ mingħand Alla?

KIF tħossok meta ħabib tiegħek jagħtik xi rigal li ma kontx qed tistennieh? Ikollok ġenn biex tiftħu, u tkun ferħan li ħaseb fik. Lill-​ħabib tiegħek tirringrazzjah tar-​rigal.

2 Il-​Bibbja hi rigal mingħand Alla. Tagħtina informazzjoni li ma nistgħu nsibuha mkien iktar. Pereżempju, tgħidilna li Alla ħalaq is-​smewwiet, l-​art, u l-​ewwel raġel u mara. Tagħtina prinċipji li jistgħu jgħinuna meta niffaċċjaw xi problema. Fil-​Bibbja, nitgħallmu kif Alla se jwettaq l-​iskop tiegħu li jagħmel l-​art post aħjar. Il-​Bibbja hi rigal mill-​isbaħ!

3. X’se titgħallem hekk kif tistudja l-​Bibbja?

3 Hekk kif tistudja l-​Bibbja, int se ssir taf li Alla jridek tkun il-​ħabib tiegħu. Iktar ma titgħallem dwaru, iktar se tissaħħaħ il-​ħbiberija tiegħek miegħu.

4. X’jimpressjonak dwar il-​Bibbja?

4 Il-​Bibbja ġiet tradotta f’madwar 2,800 lingwa, u ġew stampati biljuni taʼ kopji. Iktar minn 90 fil-​mija tan-​nies madwar id-​dinja jistgħu jaqraw il-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom stess. U kull ġimgħa, iktar minn miljun ruħ jakkwistaw Bibbja! Iva, m’hemm ebda ktieb ieħor bħall-​Bibbja.

5. Għala nistgħu ngħidu li l-​Bibbja hi “mnebbħa minn Alla”?

5 Il-​Bibbja hi “mnebbħa minn Alla.” (Aqra t-​2 Timotju 3:16.) Imma xi wħud għandhom mnejn jistaqsu, ‘Il-​Bibbja nkitbet mill-​bnedmin, allura kif jistaʼ jkun li ġejja mingħand Alla?’ Il-​Bibbja twieġeb: “Xi bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew [jew, ġew gwidati] mill-​ispirtu qaddis.” (2 Pietru 1:21) Dan hu simili għal meta negozjant jgħid lis-​segretarju tiegħu biex jikteb ittra. Min hu l-​awtur tal-​ittra? Huwa n-​negozjant u mhux is-​segretarju. Bl-​istess mod, l-​awtur tal-​Bibbja hu Alla u mhux l-​irġiel li uża biex jiktbuha. Alla ggwidahom biex jiktbu l-​ħsibijiet tiegħu. Il-​Bibbja tassew hi “l-​kelma t’Alla.”—1 Tessalonikin 2:13, ara n-​Nota fl-​aħħar numru 2.

It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa hi disponibbli f’ħafna lingwi

IL-​BIBBJA HI EŻATTA

6, 7. Għala nistgħu ngħidu li m’hemmx nuqqas taʼ qbil fil-​Bibbja?

6 Il-​Bibbja nkitbet matul perijodu taʼ iktar minn 1,600 sena. Il-​kittieba tagħha għexu fi żminijiet differenti. Xi wħud kienu taʼ skola u oħrajn ma kinux. Pereżempju, wieħed minnhom kien tabib. Oħrajn kienu bdiewa, sajjieda, ragħajja, profeti, imħallfin, u slaten. Għalkemm kien hemm kittieba differenti, m’hemmx nuqqas taʼ qbil f’dak li kitbu. Ma nsibux xi ħaġa miktuba f’kapitlu u mbagħad f’kapitlu ieħor insibu l-​kontra. *

7 L-​ewwel kapitli tal-​Bibbja jispjegaw kif bdew il-​problemi tad-​dinja, u l-​aħħar kapitli jgħidulna kif Alla se jsolvi dawn il-​problemi billi jbiddel id-​dinja f’ġenna tal-​art. Il-​Bibbja tkopri eluf taʼ snin tal-​istorja umana u turi li l-​iskop t’Alla dejjem jitwettaq.

8. Agħti xi eżempji li juru li l-​Bibbja hija eżatta xjentifikament.

8 Il-​Bibbja ma nkitbitx biex tgħallem ix-​xjenza jew biex tkun xi ktieb tal-​iskola, imma dak li tgħid dwar affarijiet xjentifiċi dejjem hu eżatt. Hekk nistennew minn ktieb li ġej mingħand Alla. Pereżempju, il-​ktieb tal-​Levitiku fih l-​istruzzjonijiet t’Alla dwar kif l-​Iżraelin setgħu jwaqqfu l-​mard milli jinfirex. Dan inkiteb ħafna qabel ma n-​nies kienu jafu kif il-​batterji u l-​virus jikkaġunaw il-​mard. Il-​Bibbja tgħallem ukoll li d-​dinja hi mdendla fuq ix-​xejn. (Ġob 26:7) U meta l-​biċċa l-​kbira min-​nies kienu jaħsbu li l-​art hija ċatta, il-​Bibbja qalet li hi tonda.—Isaija 40:22.

9. X’tgħinna nifhmu l-​onestà tal-​kittieba tal-​Bibbja?

9 Meta l-​Bibbja titkellem dwar l-​istorja, dejjem tkun eżatta. Imma ħafna kotba tal-​istorja mhumiex eżatti għalkollox għax il-​kittieba ma kinux onesti. Pereżempju, mhux dejjem kitbu dwar meta l-​ġens tagħhom tilef xi battalja. Għall-​kuntrarju, il-​kittieba tal-​Bibbja kienu onesti, anki meta ġens ieħor rebaħ lill-​Iżrael. Kitbu wkoll dwar l-​iżbalji tagħhom stess. Pereżempju, fil-​ktieb tan-​Numri, Mosè jgħidilna li żbalja bl-​ikrah u li Alla kellu jiddixxiplinah minħabba f’hekk. (Numri 20:2-​12) L-​onestà tal-​kittieba tal-​Bibbja turi li l-​Bibbja ġejja mingħand Alla. Dan ifisser li jistaʼ jkollna fiduċja fil-​Bibbja.

KTIEB MIMLI PARIRI TAJBIN

10. Il-​pariri tal-​Bibbja għala huma t’għajnuna għalina llum?

10 Il-​Bibbja hi “mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem, twiddeb, [u] tikkoreġi.” (2 Timotju 3:16) Iva, il-​pariri tal-​Bibbja huma t’għajnuna għalina llum. Ġeħova jaf kif aħna magħmulin, allura hu jifhem kif naħsbu u nħossuna. Hu jafna aħjar milli nafu lilna nfusna, u jridna nkunu ferħanin. Hu jaf x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin għalina.

11, 12. (a) Ġesù liema pariri tajbin ta f’​Mattew kapitli 5 sa 7? (b) X’nistgħu nitgħallmu iktar mill-​Bibbja?

11 F’​Mattew kapitli 5 sa 7, aħna nsibu pariri tajbin ħafna li Ġesù ta dwar kif inkunu ferħanin, kif ningwalawha m’oħrajn, kif għandna nitolbu, u kif għandna nqisu l-​flus. Dawn il-​pariri, għalkemm intqalu 2,000 sena ilu, għadhom japplikaw u huma utli llum.

12 Fil-​Bibbja, Ġeħova jgħallimna wkoll prinċipji li jgħinuna jkollna ħajja tal-​familja aħjar, inkunu ħaddiema tajbin, u ngħixu fil-​paċi m’oħrajn. Il-​prinċipji tal-​Bibbja dejjem jistgħu jgħinuna, aħna min aħna, ngħixu fejn ngħixu, jew ikollna liema problema jkollna.—Aqra Isaija 48:17; ara n-​Nota fl-​aħħar numru 3.

TISTAʼ TAFDA L-​PROFEZIJI TAL-​BIBBJA

Il-kittieb Bibliku Isaija bassar li Babilonja kienet se tiġi megħluba

13. Isaija x’qal li kien se jiġrilha l-​belt taʼ Babilonja?

13 Ħafna profeziji tal-​Bibbja diġà twettqu. Pereżempju, Isaija pprofetizza li Babilonja kienet se tinqered. (Isaija 13:19) Hu ddeskriva eżattament kif il-​belt kienet se tiġi megħluba. Il-​belt kienet protetta minn bibien kbar u xmara. Imma Isaija bassar li x-​xmara kienet se tinxef u li l-​bibien kienu se jitħallew miftuħin. L-​attakkanti kienu se jieħdu l-​belt taħt idejhom mingħajr ġlieda. Isaija saħansitra pprofetizza li raġel jismu Ċiru kien se jegħleb lil Babilonja.—Aqra Isaija 44:27–45:2; ara n-​Nota fl-​aħħar numru 4.

14, 15. Il-​profezija taʼ Isaija kif twettqet?

14 Mitejn sena wara li nkitbet il-​profezija, waslet armata lesta biex tattakka lil Babilonja. Min kien qed imexxi lill-​armata? Sewwasew bħalma kien profetizzat, kien Ċiru, is-​sultan tal-​Persja. Imma kien se jirnexxilha l-​armata taʼ Ċiru tinvadi lil Babilonja, kif kien bassar il-​profeta Isaija?

15 Fil-​lejl li fih sar l-​attakk, il-​Babiloniżi kienu qed jagħmlu festa. Huma ħassewhom fis-​sigurtà għax kienu mdawrin bi swar enormi u xmara. Barra l-​belt, Ċiru u l-​armata tiegħu ħaffru kanal biex ibaxxu l-​livell tal-​ilma tax-​xmara. L-​ilma tbaxxa biżżejjed biex is-​suldati Persjani jkunu jistgħu jgħaddu minnha. Imma l-​armata kif kienet se tgħaddi mis-​swar taʼ Babilonja? Sewwasew bħalma qalet il-​profezija, il-​bibien tal-​belt tħallew miftuħin, allura s-​suldati ħadu l-​belt taħt idejhom mingħajr ġlieda.

16. (a) Isaija xi pprofetizza dwar il-​futur taʼ Babilonja? (b) Kif nafu li l-​profezija taʼ Isaija twettqet?

16 Isaija pprofetizza li maż-​żmien ħadd ma kien se jerġaʼ jgħix ġewwa Babilonja. Hu kiteb: “Qatt ma se tkun abitata, u minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni ma jkunx hemm iktar post għaliha.” (Isaija 13:20) Seħħet din il-​profezija? Fil-​post fejn qabel kienet Babilonja, madwar 80 kilometru ’l bogħod min-​Nofsinhar taʼ Bagdad, l-​Iraq, hemm biss fdalijiet. Anki llum, ħadd ma jgħix hemmhekk. Ġeħova kines lil Babilonja “bl-​ixkupa tal-​qerda,” jiġifieri qeridha.—Isaija 14:22, 23. *

Il-fdalijiet taʼ Babilonja

17. Għala nistgħu nafdaw il-​wegħdi kollha t’Alla?

17 Il-​fatt li tant profeziji tal-​Bibbja diġà twettqu jfisser li nistgħu nafdaw dak li l-​Bibbja tgħid dwar il-​futur. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jżomm il-​wegħda tiegħu li l-​art jagħmilha ġenna. (Aqra Numri 23:19.) Iva, aħna għandna t-​tama ‘tal-​ħajja taʼ dejjem, li Alla, li ma jistax jigdeb, wiegħed żmien twil ilu.’—Titu 1:2. *

IL-​BIBBJA TISTAʼ TBIDDILLEK ĦAJTEK

18. Pawlu kif jiddeskrivi “l-​kelma t’Alla”?

18 Aħna tgħallimna li m’hemmx ktieb ieħor bħall-​Bibbja. Ma fihiex nuqqas taʼ qbil, u meta titkellem dwar affarijiet xjentifiċi jew storiċi, dejjem tkun eżatta. Tagħtina wkoll pariri tajbin u fiha ħafna profeziji li diġà twettqu. Imma l-​Bibbja tagħmel saħansitra iktar minn hekk. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.” Dan xi jfisser?—Aqra Ebrej 4:12.

19, 20. (a) Il-​Bibbja kif tistaʼ tgħinek issir taf min int? (b) Kif tistaʼ turi li int grat għall-​Bibbja?

19 Il-​Bibbja tistaʼ tbiddillek ħajtek. Tistaʼ tgħinek issir taf min int tassew. Tistaʼ tgħinek tifhem il-​ħsibijiet u s-​sentimenti ġewwinin tiegħek. Pereżempju, aħna forsi naħsbu li nħobbu lil Alla. Imma biex nagħtu prova li nħobbuh, irridu napplikaw dak li tgħid il-​Bibbja.

20 Il-​Bibbja verament hi ktieb mingħand Alla. Hu jridek taqraha, tistudjaha, u tħobbha. Kun grat għal dan ir-​rigal, u ibqaʼ studjaha. Imbagħad se tifhem l-​iskop t’Alla għall-​bnedmin. Fil-​kapitlu li jmiss se nitgħallmu iktar dwar dan l-​iskop.

^ par. 6 Xi nies jgħidu li l-​Bibbja daqqa tgħid ħaġa u daqqa tgħid oħra, imma dan mhux minnu. Ara kapitlu 7 tal-​ktieb Il-​Bibbja—Il-​Kelma t’Alla jew tal-​Bniedem? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 16 Jekk tixtieq titgħallem iktar dwar il-​profeziji tal-​Bibbja, tistaʼ taqra paġni 27-​29 tal-​browxer Ktieb Għan-​Nies Kollha, ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 17 Il-qerda taʼ Babilonja hi biss profezija Biblika waħda li seħħet. Tistaʼ ssib informazzjoni dwar profeziji konnessi maʼ Ġesù Kristu fin-Nota fl-​aħħar numru 5.