Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU ĦAMSA

Il-fidwa—L-aqwa rigal mingħand Alla

Il-fidwa—L-aqwa rigal mingħand Alla

1, 2. (a) X’inhu li jagħmlu prezzjuż rigal? (b) Il-​fidwa għala hi l-​aqwa rigal mingħand Alla?

X’INHU l-​aqwa rigal li qatt irċivejt? Rigal m’għandux għalfejn iqum ħafna flus biex ikun prezzjuż għalik. Meta rigal jagħmlek ferħan jew ikun xi ħaġa li tassew għandek bżonn, int tapprezzah.

2 Mir-​rigali kollha li tana Alla, hemm wieħed li għandna bżonnu iktar minn kull ħaġa oħra. Hu l-​aqwa rigal li Alla ta lill-​bnedmin. F’dan il-​kapitlu, se nitgħallmu li Ġeħova bagħat lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex aħna nkunu nistgħu ngħixu għal dejjem. (Aqra Mattew 20:28.) Billi bagħat lil Ġesù fuq l-​art bħala fidwa, Ġeħova wera li tassew iħobbna.

X’INHI L-​FIDWA?

3. Il-​bnedmin għala jmutu?

3 Il-​fidwa hi l-​mezz li juża Ġeħova biex jeħles lill-​bnedmin mid-​dnub u l-​mewt. (Efesin 1:7) Biex nifhmu għala neħtieġu l-​fidwa, hemm bżonn inkunu nafu x’ġara eluf taʼ snin ilu fil-​ġnien tal-​Għeden. L-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, dinbu. Minħabba li dinbu, huma mietu. Aħna wkoll immutu għaliex writna d-​dnub mingħand Adam u Eva.—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 9.

4. Min kien Adam, u x’kellu?

4 Meta Ġeħova ħalaq lill-​ewwel raġel, Adam, Hu tah xi ħaġa prezzjuża ferm. Hu ta lil Adam ħajja umana perfetta, jiġifieri kellu moħħ perfett u ġisem perfett. Hu qatt ma kien se jimrad, qatt ma kien se jixjieħ, u qatt ma kien se jmut. Peress li Ġeħova ħalaq lil Adam, Hu kien bħal missier għalih. (Luqa 3:38) Ġeħova spiss kien jitkellem miegħu. Alla spjega lil Adam b’mod ċar x’kien jistenna mingħandu u tah xogħol pjaċevoli x’jagħmel.—Ġenesi 1:28-​30; 2:16, 17.

5. Xi jfisser meta l-​Bibbja tgħid li Adam ġie maħluq “fix-​xbieha t’Alla”?

5 Adam ġie maħluq “fix-​xbieha t’Alla.” (Ġenesi 1:27) Ġeħova tah kwalitajiet bħal Tiegħu stess, fosthom l-​imħabba, l-​għerf, il-​ġustizzja, u l-​qawwa. Lil Adam tah il-​libertà tal-​għażla. Adam ma kienx xi robot. Alla ħalqu biex ikun jistaʼ jagħżel jekk jagħmilx it-​tajjeb jew il-​ħażin. Li kieku Adam għażel li jobdi lil Alla, hu setaʼ jgħix għal dejjem f’Ġenna tal-​art.

6. (a) Meta Adam kien diżubbidjenti lejn Alla, x’tilef? (b) Dan kif jeffettwa lilna?

6 Meta kien diżubbidjenti lejn Alla u ġie kundannat għall-​mewt, lil Adam swielu ħafna. Hu tilef il-​ħbiberija speċjali li kellu maʼ Ġeħova, il-​ħajja perfetta tiegħu, u l-​ġnien mill-​isbaħ li kien jgħix fih. (Ġenesi 3:17-​19) Adam u Eva għażlu li ma jobdux lil Alla, allura ma kellhom l-​ebda tama. Minħabba dak li għamel Adam, “id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Meta Adam dineb, hu ‘biegħ’ lilu nnifsu u lilna fil-​jasar tad-​dnub u l-​mewt. (Rumani 7:14) Hemm xi tama għalina? Iva, hemm.

7, 8. X’inhi fidwa?

7 X’inhi fidwa? Fidwa bażikament tistaʼ tfisser żewġ affarijiet. L-​ewwel, fidwa hi l-​prezz li jitħallas biex xi ħadd jiġi meħlus jew biex tinxtara xi ħaġa lura. It-​tieni, fidwa hi l-​prezz li jkopri l-​ammont taʼ kemm tkun tiswa xi ħaġa.

8 Ebda bniedem ma setaʼ jpatti għall-​ħsara kbira li kkaġuna Adam meta dineb u ġab il-​mewt fuqna. Imma Ġeħova pprovda l-​mezz biex jeħlisna mid-​dnub u l-​mewt. Ejja nitgħallmu kif taħdem il-​fidwa u kif nistgħu nibbenefikaw minnha.

KIF ĠEĦOVA PPROVDA L-​FIDWA

9. Il-​fidwa kif setgħet titħallas?

9 Ħadd minna ma jistaʼ qatt iħallas il-​fidwa għall-​ħajja perfetta li tilfilna Adam. Għala le? Għax ilkoll kemm aħna imperfetti. (Salm 49:7, 8) Il-​fidwa li kellha titħallas kienet ħajja umana perfetta oħra. Għalhekk tissejjaħ “fidwa ekwivalenti.” (1 Timotju 2:6) Il-​fidwa kellu jkollha l-​istess valur tal-​ħajja li tilef Adam.

10. Ġeħova kif ipprovda l-​fidwa?

10 Ġeħova kif ipprovda l-​fidwa? Ġeħova bagħat lil Ibnu l-​għażiż fuq l-​art. Dan l-​Iben, Ġesù, kien l-​ewwel ħolqien tiegħu. (1 Ġwanni 4:9, 10) Ġesù kien lest li jitlaq lil Missieru u d-​dar tiegħu fis-​sema. (Filippin 2:7) Ġeħova ttrasferixxa lil Ġesù mis-​sema għal fuq l-​art, u Ġesù twieled bħala bniedem perfett, mingħajr dnub.—Luqa 1:35.

Ġeħova ta lil Ibnu l-għażiż bħala fidwa għalina

11. Raġel wieħed kif setaʼ jkun il-​fidwa għall-​bnedmin kollha?

11 L-​ewwel raġel, Adam, tellef il-​ħajja perfetta lill-​bnedmin kollha meta m’obdiex lil Ġeħova. Setaʼ raġel ieħor ineħħi l-​mewt minn fuq l-​ulied kollha t’Adam? Iva. (Aqra Rumani 5:19.) Ġesù, li qatt ma dineb, ta l-​ħajja perfetta tiegħu bħala l-​fidwa. (1 Korintin 15:45) Il-​ħajja perfetta tiegħu setgħet tintuża biex tneħħi l-​mewt minn fuq l-​ulied kollha t’Adam.—1 Korintin 15:21, 22.

12. Ġesù għala kellu jbati daqstant?

12 Il-​Bibbja tiddeskrivi kemm Ġesù bata qabel ma miet. Hu ġie msawwat bil-​krudeltà, imsammar maʼ zokk tat-​tortura, u mġiegħel jissaporti mewta bil-​mod u taʼ wġigħ. (Ġwanni 19:1, 16-​18, 30) Ġesù għala kellu jbati daqstant? Għax Satana sostna li ebda bniedem ma kien se jkun leali lejn Alla jekk jiġi mġarrab bl-​aħrax. Ġesù wera li bniedem perfett jistaʼ jibqaʼ leali lejn Alla anki jekk ibati b’mod estrem. Immaġina kemm Ġeħova ħassu kburi b’Ġesù!—Proverbji 27:11; ara n-​Nota fl-​aħħar numru 15.

13. Il-​fidwa kif tħallset?

13 Il-​fidwa kif tħallset? Ġesù ta lil Missieru l-​valur taʼ ħajtu. Fl-​14 taʼ Nisan tas-​sena 33, skont il-​kalendarju Lhudi, Ġeħova ħalla lill-​għedewwa taʼ Ġesù joqtluh. (Ebrej 10:10) Tlett ijiem wara dan, Ġeħova qajjem lil Ġesù mill-​mewt bħala spirtu u mhux bħala bniedem. Iktar tard, meta Ġesù mar lura ħdejn Missieru fis-​sema, hu ta l-​valur tal-​ħajja umana perfetta tiegħu lil Ġeħova bħala l-​fidwa. (Ebrej 9:24) Issa li l-​fidwa tħallset, aħna għandna l-​opportunità li niġu meħlusin mid-​dnub u l-​mewt.—Aqra Rumani 3:23, 24.

KIF INT TISTAʼ TIBBENEFIKA MILL-​FIDWA

14, 15. Xi rridu nagħmlu biex dnubietna jiġu maħfurin?

14 Aħna diġà nibbenefikaw mill-​aqwa rigal mingħand Alla. Ejja naraw kif nibbenefikaw issa u kif se nibbenefikaw fil-​futur.

15 Dnubietna jiġu maħfurin. Hu diffiċli għalina biex dejjem nagħmlu s-​sewwa. Aħna niżbaljaw, u kultant ngħidu u nagħmlu dak li hu ħażin. (Kolossin 1:13, 14) Kif nistgħu ningħataw il-​maħfra? Għandu jiddispjaċina verament minn dak li għamilna u bl-​umiltà nitolbu lil Ġeħova biex jaħfrilna. Imbagħad nistgħu nkunu fiduċjużi li dnubietna jkunu ġew maħfurin.—1 Ġwanni 1:8, 9.

16. Xi rridu nagħmlu biex ikollna kuxjenza tajba?

16 Jistaʼ jkollna kuxjenza tajba. Jekk il-​kuxjenza tagħna tgħidilna li għamilna xi ħaġa ħażina, aħna nħossuna ħatjin, forsi saħansitra nħossuna bla tama u li ma niswew għalxejn. Imma m’għandniex għalfejn naqtgħu qalbna. Jekk nitolbu lil Ġeħova bil-​ħerqa għall-​maħfra, nistgħu nkunu ċerti li hu se jismagħna u jaħfrilna. (Ebrej 9:13, 14) Ġeħova jridna nkellmuh dwar kull problema u dgħufija li jkollna. (Ebrej 4:14-​16) B’hekk, nistgħu nkunu fil-​paċi m’Alla.

17. Liema barkiet huma possibbli peress li Ġesù miet għalina?

17 Għandna t-​tama li ngħixu għal dejjem. “Il-​ħlas li jagħti d-​dnub hu l-​mewt, imma l-​għotja li jagħti Alla hi l-​ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna.” (Rumani 6:23) Peress li Ġesù miet għalina, aħna nistgħu ngħixu għal dejjem u ngawdu saħħa perfetta. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Imma xi rridu nagħmlu biex nirċievu dawn il-​barkiet?

SE TAĊĊETTA INT IL-​FIDWA?

18. Kif nafu li Ġeħova jħobbna?

18 Aħseb ftit dwar kemm tħossok ferħan meta xi ħadd jagħtik rigal mill-​isbaħ. Il-​fidwa hi l-​iktar rigal prezzjuż li qatt nistgħu nirċievu, u għandna nkunu grati ħafna lejn Ġeħova għaliha. Ġwanni 3:16 jgħidilna li “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu.” Iva, Ġeħova tant iħobbna li tana lil Ibnu l-​għażiż, Ġesù. U aħna nafu li anki Ġesù jħobbna, għax kien lest li jagħti ħajtu għalina. (Ġwanni 15:13) Ir-​rigal tal-​fidwa għandu jikkonvinċik li Ġeħova u Ġesù tassew iħobbuk.—Galatin 2:20.

Hekk kif nitgħallmu dwar Ġeħova, se nsiru ħbieb tiegħu u se tikber l-imħabba tagħna għalih

19, 20. (a) Kif tistaʼ ssir ħabib taʼ Ġeħova? (b) Kif tistaʼ turi li taċċetta s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa?

19 Issa li tgħallimt dwar l-​imħabba kbira t’Alla, kif tistaʼ ssir ħabib tiegħu? Mhuwiex faċli li tħobb lil xi ħadd li ma tafux. Ġwanni 17:3 jgħid li nistgħu nieħdu għarfien dwar Ġeħova, jiġifieri nsiru nafuh. Hekk kif tagħmel dan, l-​imħabba tiegħek għalih se tikber, se tkun trid togħġbu, u se ssir ħabib tiegħu. Għalhekk, ibqaʼ tgħallem dwar Ġeħova billi tistudja l-​Bibbja.—1 Ġwanni 5:3.

20 Aċċetta s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Il-​Bibbja tgħid li “min jeżerċita l-​fidi fl-​Iben għandu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:36) Xi jfisser li neżerċitaw il-​fidi? Ifisser li nagħmlu dak li għallimna Ġesù biex nagħmlu. (Ġwanni 13:15) Ma nistgħux sempliċement ngħidu li nemmnu f’Ġesù. Biex naċċettaw il-​fidwa, irridu nagħmlu xi ħaġa dwar il-​fidi tagħna. F’​Ġakbu 2:26 naqraw: “Il-​fidi mingħajr l-​għemejjel hi mejta.”

21, 22. (a) Għala għandna nattendu t-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu kull sena? (b) X’se niddiskutu f’Kapitli 6 u 7?

21 Attendi t-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu. Fil-​lejla taʼ qabel mewtu, Ġesù għallimna li għandna niftakru fil-​mewt tiegħu. Dan nagħmluh kull sena, u nsejħulha t-​Tifkira jew “l-​ikla taʼ fil-​għaxija tal-​Mulej.” (1 Korintin 11:20; Mattew 26:26-​28) Ġesù jridna niftakru li hu ta l-​ħajja perfetta tiegħu bħala fidwa għalina. Hu qal: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Aqra Luqa 22:19.) Meta tattendi t-​Tifkira, int turi li tiftakar fil-​fidwa u fl-​imħabba kbira li għandhom għalina Ġeħova u Ġesù.—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 16.

22 Il-​fidwa hi l-​aqwa rigal li qatt nistgħu nirċievu. (2 Korintin 9:14, 15) Dan ir-​rigal prezzjuż saħansitra se jkun taʼ benefiċċju għal miljuni taʼ nies li diġà mietu. Kapitli 6 u 7 se jiddiskutu kif dan hu possibbli.