Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU DISGĦA

Id-dinja dalwaqt se tispiċċa?

Id-dinja dalwaqt se tispiċċa?

1. Fejn nistgħu nsiru nafu x’se jiġri fil-​futur?

ĠIELI rajt l-​aħbarijiet u ħsibt, ‘Jistgħu l-​affarijiet imorru għall-​agħar?’ Tant hawn traġedji u krudeltà li xi nies jemmnu li d-​dinja bilfors li waslet biex tispiċċa. Huwa minnu dan? Hemm xi mod kif nistgħu nkunu nafu x’se jiġri fil-​futur? Iva. Għalkemm il-​bnedmin ma jistgħux jgħidu x’se jiġri, Alla Ġeħova jistaʼ. Fil-​Bibbja, hu jgħidilna dwar il-​futur tagħna u dwar dak tal-​art.—Isaija 46:10; Ġakbu 4:14.

2, 3. Id-​dixxipli taʼ Ġesù x’riedu jkunu jafu, u Ġesù kif wiġibhom?

2 Meta l-​Bibbja titkellem dwar it-​tmiem tad-​dinja, ma tkunx qed tirreferi għat-​tmiem tal-​pjaneta Art, imma għat-​tmiem tal-​ħażen. Ġesù għallem lin-​nies li s-​Saltna t’Alla kienet se tirrenja għal fuq l-​art. (Luqa 4:43) Id-​dixxipli tiegħu riedu jkunu jafu meta kienet se tiġi s-​Saltna t’Alla, u staqsew lil Ġesù: “Dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u tal-​konklużjoni tas-​sistema?” (Mattew 24:3) Ġesù ma tahomx id-​data preċiża, imma qalilhom x’kien se jiġri eżatt qabel ma tispiċċa din id-​dinja. Dak li Ġesù qal li kellu jiġri, qed jiġri issa stess.

3 F’dan il-​kapitlu se niddiskutu evidenza li qed ngħixu fiż-​żmien eżatt qabel tmiem id-​dinja. L-​ewwel, irridu nitgħallmu dwar gwerra li seħħet fis-​sema biex inkunu nistgħu nifhmu għala l-​affarijiet huma daqstant ħżiena hawnhekk fuq l-​art.

GWERRA FIS-​SEMA

4, 5. (a) X’ġara fis-​sema ftit wara li Ġesù sar Sultan? (b) Skont Rivelazzjoni 12:12, x’kellu jiġri fuq l-​art wara li Satana jitwaddab għal isfel?

4 F’Kapitlu 8 tgħallimna li fl-​1914 Ġesù sar Sultan fis-​sema. (Danjel 7:13, 14) Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jgħidilna x’ġara: “Faqqgħet gwerra fis-​sema: Mikiel [jiġifieri, Ġesù] u l-​anġli tiegħu tqabdu mad-​dragun [Satana], u d-​dragun u l-​anġli tiegħu tqabdu.” * Satana u d-​demonji tiegħu tilfu l-​gwerra u twaddbu ’l isfel lejn l-​art. Immaġina l-​ferħ li ħassew l-​anġli! Imma xi ngħidu għan-​nies fuq l-​art? Il-​Bibbja tgħid li dan kellu jkun żmien taʼ inkwiet għall-​umanità. Għala? Għax ix-​Xitan hu indannat, “għax jaf li żmien qasir baqagħlu.”—Rivelazzjoni 12:7, 9, 12.

5 Ix-​Xitan qed jaqlaʼ kemm jistaʼ jkun inkwiet fuq l-​art. Hu rrabjat ħafna għax fadallu biss ftit żmien qabel ma Alla jwaqqaf l-​attivitajiet taʼ Satana fuq l-​art. Ejja neżaminaw dak li Ġesù qal li se jiġri matul l-​aħħar jiem.—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 24.

L-​AĦĦAR JIEM

6, 7. X’nistgħu ngħidu dwar il-​gwerer u l-​ġuħ illum?

6 Gwerer. Ġesù qal: “Ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna.” (Mattew 24:7) Iktar inqatlu nies fi gwerer fi żmienna milli fi kwalunkwe żmien ieħor fl-​istorja. Rapport wieħed mill-​Worldwatch Institute juri li mill-​1914 ’il quddiem, il-​gwerer qatlu iktar minn 100 miljun ruħ. Matul il-​100 sena bejn is-​sena 1900 u s-​sena 2000 fil-​gwerer inqatlu tliet darbiet iktar nies milli nqatlu matul l-​1,900 sena taʼ qabel. Immaġina ftit in-​niket u l-​uġigħ li ħassew miljuni taʼ nies minħabba l-​gwerer!

7 Ġuħ. Ġesù qal: “Ikun hemm nuqqas taʼ ikel.” (Mattew 24:7) Avolja issa hemm iktar ikel minn qatt qabel, ħafna nies qatt ma jkollhom biżżejjed x’jieklu. Għala? Għax m’għandhomx biżżejjed flus biex jixtru l-​ikel jew biżżejjed art fejn ikabbru l-​ikel. Iktar minn biljun ruħ iridu jgħixu b’inqas minn ewro kuljum. L-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa tgħid li kull sena jmutu miljuni taʼ tfal, l-​aktar minħabba li m’għandhomx biżżejjed ikel biex jibqgħu f’saħħithom.

8, 9. X’juri li qed iseħħu l-​profeziji taʼ Ġesù dwar it-​terremoti u l-​mard?

8 Terremoti. Ġesù pprofetizza: “Ikun hemm terremoti kbar.” (Luqa 21:11) Issa kull sena jkun mistenni li jseħħu ħafna terremoti qawwijin. Mis-​sena 1900 ’l hawn, mietu iktar minn żewġ miljun ruħ minħabba t-​terremoti. U għalkemm it-​teknoloġija qed tgħin biex in-​nies ikunu jafu minn qabel li ġej terremot, xorta għadhom imutu ħafna nies.

9 Mard. Ġesù bassar li kellu jkun hawn “mard li jittieħed.” Mard perikoluż kellu jinfirex malajr u joqtol lil ħafna. (Luqa 21:11) Avolja t-​tobba tgħallmu kif ifejqu ħafna mard, xorta hemm xi mard li m’hemmx kura għalih. Infatti, rapport wieħed jispjega li kull sena, miljuni taʼ nies imutu minħabba mard bħat-​tuberkulosi, il-​malarja, u l-​kolera. Mhux hekk biss, imma t-​tobba sabu 30 marda ġdida, u xi wħud minnhom m’hemmx kura għalihom.

KIF KELLHOM IKUNU N-​NIES FL-​AĦĦAR JIEM

10. Illum kif qed jitwettaq il-​kliem tat-​2 Timotju 3:1-​5?

10 Fit-​2 Timotju 3:1-​5, il-​Bibbja tgħid: “Fl-​aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” L-​appostlu Pawlu ddeskriva kif ħafna nies kellhom iġibu ruħhom matul l-​aħħar jiem. Hu qal li n-​nies kienu se

  • jkunu egoisti

  • jħobbu l-​flus

  • jkunu diżubbidjenti lejn il-​ġenituri

  • jkunu żleali

  • juru nuqqas t’affezzjoni lejn il-​familja

  • jkunu bla rażan

  • jkunu vjolenti u aggressivi

  • jħobbu l-​pjaċiri iktar milli jħobbu lil Alla

  • jagħmlu tabirruħhom li jħobbu lil Alla imma ma jobduhx

11. Skont Salm 92:7, x’se jiġri lin-​nies mill-​agħar?

11 Fejn tgħix int, hemm ħafna nies li jaġixxu hekk? Mad-​dinja kollha, ħafna jġibu ruħhom b’dan il-​mod. Imma Alla dalwaqt se jieħu azzjoni. Hu jwiegħed: “Meta n-​nies mill-​agħar jinbtu bħall-​ħaxix u dawk kollha li jipprattikaw il-​ħsara jiffjorixxu, dan ikun biex jinqerdu għal dejjem.”—Salm 92:7.

AĦBAR TAJBA FL-​AĦĦAR JIEM

12, 13. Ġeħova x’għallimna matul l-​aħħar jiem?

12 Il-​Bibbja bassret li matul l-​aħħar jiem, id-​dinja kienet se tkun mimlija wġigħ u tbatija. Imma l-​Bibbja tgħid ukoll li kellhom iseħħu affarijiet tajbin.

“Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha.”—Mattew 24:14

13 Ħafna wħud kellhom jifhmu l-​Bibbja. Il-​profeta Danjel kiteb dwar l-​aħħar jiem. Hu qal: “L-​għarfien veru jkun abbundanti.” (Danjel 12:4) Alla kien se jagħti lill-​poplu tiegħu l-​abbiltà li jifhmu l-​Bibbja aħjar minn qatt qabel. Ġeħova għamel dan speċjalment mill-​1914 ’l hawn. Pereżempju, hu għallimna l-​importanza t’ismu u l-​iskop tiegħu għall-​art kif ukoll il-​verità dwar il-​fidwa, x’jiġrilna meta mmutu, u l-​irxoxt. Tgħallimna li s-​Saltna t’Alla biss tistaʼ ssolvi l-​problemi kollha tagħna. Tgħallimna wkoll kif inkunu ferħanin u kif ngħixu b’mod li jogħġob lil Alla. Imma l-​qaddejja t’Alla x’jagħmlu b’dak li jkunu tgħallmu? Profezija oħra tagħtina t-​tweġiba.—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 21 u 25.

14. L-​aħbar tajba tas-​Saltna fejn qed tiġi pritkata, u min qed jagħmel dan ix-​xogħol?

14 Ix-​xogħol tal-​ippritkar madwar id-​dinja. Rigward l-​aħħar jiem, Ġesù qal: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha.” (Mattew 24:3, 14) L-​aħbar tajba tas-​Saltna qed tiġi pritkata f’iktar minn 230 pajjiż u b’iktar minn 700 lingwa. Iva, madwar id-​dinja kollha, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova minn “kull ġens u tribù” qed jgħinu lin-​nies jifhmu x’inhi s-​Saltna u x’se tagħmel għall-​umanità. (Rivelazzjoni 7:9) U dan jagħmluh bla ħlas. Għalkemm ħafna jobogħduhom u jippersegwitawhom, xejn ma jistaʼ jwaqqaf ix-​xogħol tal-​ippritkar, eżatt kif ipprofetizza Ġesù.—Luqa 21:17.

INT X’SE TAGĦMEL?

15. (a) Temmen int li qed ngħixu fl-​aħħar jiem, u għala? (b) X’se jiġri minn dawk li jobdu lil Ġeħova u minn dawk li ma jobduhx?

15 Temmen int li qed ngħixu fl-​aħħar jiem? Qed jitwettqu ħafna profeziji tal-​Bibbja dwar l-​aħħar jiem. Ġeħova dalwaqt se jiddeċiedi li jwaqqaf l-​ippritkar tal-​aħbar tajba, u mbagħad se jiġi “t-​tmiem.” (Mattew 24:14) X’inhu t-​tmiem? Dan hu Armageddon, meta Alla se jneħħi l-​ħażen kollu. Ġeħova se juża lil Ġesù u lill-​anġli setgħanin tiegħu biex jeqirdu lil kull min jirrifjuta li jobdi Lilu u lil Ibnu. (2 Tessalonikin 1:6-​9) Wara dan, Satana u d-​demonji tiegħu mhux se jkomplu jqarrqu bin-​nies. U dawk kollha li jridu jobdu lil Alla u jaċċettaw is-​Saltna tiegħu se jaraw it-​twettiq taʼ kull wegħda li għamel Alla.—Rivelazzjoni 20:1-​3; 21:3-​5.

16. Peress li t-​tmiem hu tant fil-​qrib, x’għandek bżonn tagħmel?

16 Din id-​dinja maħkuma minn Satana dalwaqt se tispiċċa. Allura huwa importanti ferm li nistaqsu lilna nfusna, ‘X’għandi bżonn nagħmel?’ Ġeħova jridek titgħallem kemm tistaʼ mill-​Bibbja. L-​istudju tiegħek trid tieħdu bis-​serjetà. (Ġwanni 17:3) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jkollhom laqgħat kull ġimgħa biex jgħinu lin-​nies jifhmu l-​Bibbja. Ipprova attendi dawn il-​laqgħat regolarment. (Aqra Ebrej 10:24, 25.) Jekk tinduna li trid tagħmel xi bidliet, tibżax tagħmilhom. Hekk kif tagħmel dawn il-​bidliet, il-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova se tissaħħaħ.—Ġakbu 4:8.

17. It-​tmiem għala se jkun taʼ sorpriża għall-​biċċa l-​kbira min-​nies?

17 L-​appostlu Pawlu spjega li l-​qerda taʼ dawk mill-​agħar se tiġi meta l-​biċċa l-​kbira min-​nies ma jkunux qed jistennewha, “bħal ħalliel bil-​lejl.” (1 Tessalonikin 5:2) Ġesù pprofetizza li ħafna kienu se jagħżlu li jinjoraw l-​evidenza li qed ngħixu fl-​aħħar jiem. Hu qal: “Bħalma kienu jiem Noè, hekk tkun il-​preżenza taʼ Bin il-​bniedem [jew, l-​aħħar jiem]. Għax bħalma f’dawk il-​jiem qabel id-​dilluvju kienu jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw fiż-​żwieġ, sal-​jum li Noè daħal fl-​arka; u ma tawx kas sakemm ġie d-​dilluvju u kinishom ilkoll, hekk tkun il-​preżenza taʼ Bin il-​bniedem.”—Mattew 24:37-​39.

18. Ġesù liema twissija tana?

18 Ġesù wissa li m’għandniex niġu aljenati “b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-​ħajja.” Hu qal li t-​tmiem se jiġi għal għarrieda, “bħal nassa.” Hu qal ukoll li se “jiġi fuq dawk kollha li jgħixu fuq wiċċ l-​art kollha.” Imbagħad żied jgħid: “Għalhekk, ibqgħu mqajmin u itolbu bil-​ħerqa l-​ħin kollu biex jirnexxilkom taħarbu minn dak kollu li għandu jseħħ u tieqfu quddiem Bin il-​bniedem.” (Luqa 21:34-​36) Għala hu daqstant importanti li nagħtu kas it-​twissija taʼ Ġesù? Għax id-​dinja mill-​agħar taʼ Satana dalwaqt se tiġi meqruda, u dawk biss li għandhom l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova u Ġesù se jibqgħu ħajjin u jgħixu għal dejjem fid-​dinja l-​ġdida.—Ġwanni 3:16; 2 Pietru 3:13.

^ par. 4 Mikiel hu isem ieħor għal Ġesù Kristu. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara n-​Nota fl-​aħħar numru 23.