Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU GĦAXRA

Il-verità dwar l-anġli

Il-verità dwar l-anġli

1. Għala għandna nitgħallmu dwar l-​anġli?

ĠEĦOVA jridna nkunu nafu dwar il-​familja tiegħu. L-​anġli huma parti mill-​familja t’Alla. Fil-​Bibbja huma msejħin ‘ulied Alla.’ (Ġob 38:7) X’jagħmlu l-​anġli? Kif għenu lin-​nies fil-​passat? U jistgħu jgħinuna llum?—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 8.

2. (a) L-​anġli minn fejn ġew? (b) Kemm inħolqu anġli?

2 Hemm bżonn li nkunu nafu minn fejn ġew l-​anġli. Kolossin 1:16 jgħidilna li wara li Ġeħova ħalaq lil Ġesù, “inħolqu l-​affarijiet l-​oħrajn kollha fis-​smewwiet u fuq l-​art.” Dan jinkludi lill-​anġli. Kemm inħolqu anġli? Il-​Bibbja tgħid li hemm mijiet taʼ miljuni t’anġli.—Salm 103:20; Rivelazzjoni 5:11.

3. Ġob 38:4-​7 x’jgħidilna dwar l-​anġli?

3 Il-​Bibbja tgħallimna wkoll li Ġeħova ħalaq l-​anġli qabel ma ħalaq l-​art. Kif ħassewhom meta raw l-​art? Il-​ktieb taʼ Ġob jgħidilna li kienu ferħanin. Huma kienu familja magħquda u kienu jaqdu lil Ġeħova flimkien.—Ġob 38:4-​7.

L-​ANĠLI JGĦINU LIN-​NIES T’ALLA

4. Kif nafu li l-​anġli jinteressahom mill-​bnedmin?

4 L-​anġli minn dejjem kellhom interess fil-​bnedmin u fl-​iskop taʼ Ġeħova għall-​art u għan-​nies. (Proverbji 8:30, 31; 1 Pietru 1:11, 12) Żgur li tnikktu ħafna meta Adam u Eva rribellaw. U issa żgur li jħossuhom saħansitra iktar imnikktin meta jaraw li l-​biċċa l-​kbira mill-​bnedmin ma jobdux lil Ġeħova. Imma meta xi ħadd jindem u jdur lejn Alla, l-​anġli jifirħu ħafna. (Luqa 15:10) L-​anġli jinteressahom ħafna minn dawk li jaqdu lil Alla. Ġeħova juża l-​anġli biex jgħinu u jipproteġu lill-​qaddejja tiegħu fuq l-​art. (Ebrej 1:7, 14) Ejja naraw xi eżempji taʼ dan.

“Alla tiegħi bagħat l-anġlu tiegħu u għalaq ħalq l-iljuni.”—Danjel 6:22

5. L-​anġli kif għenu lill-​qaddejja t’Alla fil-​passat?

5 Ġeħova bagħat żewġ anġli biex jgħinu lil Lot u lil familtu biex jaħarbu mill-​qerda tal-​bliet taʼ Sodoma u Gomorra. (Ġenesi 19:15, 16) Mijiet taʼ snin wara, il-​profeta Danjel ġie mitfugħ f’ħofra tal-​iljuni, imma ma ġralu xejn, għax “Alla . . . bagħat l-​anġlu tiegħu u għalaq ħalq l-​iljuni.” (Danjel 6:22) Iktar tard, meta l-​appostlu Pietru kien il-​ħabs, Ġeħova bagħat anġlu biex jeħilsu. (Atti 12:6-​11) L-​anġli għenu wkoll lil Ġesù meta kien fuq l-​art. Pereżempju, wara li tgħammed, l-​anġli marru biex “jaqduh.” (Marku 1:13) Ukoll, eżatt qabel ma Ġesù nqatel, anġlu ‘qawwielu qalbu.’—Luqa 22:43.

6. (a) Kif nafu li l-​anġli jgħinu lin-​nies t’Alla llum? (b) Liema mistoqsijiet se nwieġbu issa?

6 Illum, l-​anġli m’għadhomx jidhru lill-​bnedmin. Imma Alla xorta juża l-​anġli biex jgħinu lill-​qaddejja tiegħu. Il-​Bibbja tgħid: “L-​anġlu taʼ Ġeħova qed jikkampja madwar dawk li jibżgħu minnu, u hu jeħlishom.” (Salm 34:7) Għala neħtieġu l-​protezzjoni? Għax għandna għedewwa b’saħħithom li jridu jagħmlulna l-​ħsara. Min huma dawn? Minn fejn ġejjin? Kif qed jipprovaw jagħmlulna l-​ħsara? Biex inwieġbu dawn il-​mistoqsijiet, ejja naraw x’ġara ftit wara li nħolqu Adam u Eva.

L-​GĦEDEWWA INVIŻIBBLI TAGĦNA

7. X’għamlu n-​nies minħabba l-​qerq taʼ Satana?

7 F’Kapitlu 3 tgħallimna li anġlu rribella kontra Alla u ried jaħkem fuq oħrajn. Il-​Bibbja ssejjaħlu Satana x-​Xitan. (Rivelazzjoni 12:9) Satana ried li oħrajn ukoll jirribellaw kontra Alla. Hu rnexxielu jqarraq b’Eva, u minn dakinhar ’l hawn qarraq bil-​biċċa l-​kbira mill-​bnedmin. Madankollu, xi wħud, bħal Abel, Enok, u Noè, baqgħu leali lejn Ġeħova.—Ebrej 11:4, 5, 7.

8. (a) Xi anġli kif saru demonji? (b) Id-​demonji x’għamlu biex ma jinqerdux fid-​Dulluvju?

8 Fi żmien Noè, xi anġli rribellaw u telqu d-​dar tagħhom fis-​sema biex jgħixu bħala bnedmin fuq l-​art. Għala? Il-​Bibbja tgħidilna li riedu jiżżewġu n-​nisa. (Aqra Ġenesi 6:2.) Imma l-​anġli ma kellhomx jagħmlu hekk. (Ġuda 6) Bħal dawn l-​anġli mill-​agħar, il-​maġġuranza tal-​bnedmin dak iż-​żmien saru diżonesti u vjolenti. Ġeħova mbagħad iddeċieda li jeqred lill-​bnedmin mill-​agħar billi jgħarraq l-​art kollha. Imma hu salva lill-​qaddejja leali tiegħu. (Ġenesi 7:17, 23) Biex ma jinqerdux, l-​anġli mill-​agħar marru lura fis-​sema. Il-​Bibbja ssejjaħ lil dawn l-​anġli mill-​agħar demonji. Huma għażlu li jingħaqdu fir-​ribelljoni taʼ Satana, u x-​Xitan sar il-​ħakkiem tagħhom.—Mattew 9:34.

9. (a) Xi ġralhom id-​demonji meta marru lura s-​sema? (b) Issa dwar xiex se nitgħallmu?

9 Peress li kienu ribelli, Ġeħova m’aċċettax lid-​demonji lura f’familtu. (2 Pietru 2:4) Id-​demonji issa ma jistgħux jinbidlu fi bnedmin, imma xorta għadhom ‘qed iqarrqu bl-​art abitata kollha.’ (Rivelazzjoni 12:9; 1 Ġwanni 5:19) Ejja nsiru nafu kif jirnexxilhom iqarrqu b’daqstant nies.—Aqra t-​2 Korintin 2:11.

KIF ID-​DEMONJI JQARRQU BIN-​NIES

10. Id-​demonji kif iqarrqu bin-​nies?

10 Id-​demonji jqarrqu bin-​nies b’ħafna modi. Meta wħud jagħmlu kuntatt mad-​demonji jew jagħmluh huma nfushom jew permezz taʼ xi ħadd ieħor, bħal xi saħħar jew xi medjum tal-​ispirti. Kuntatt mad-​demonji jissejjaħ demoniżmu jew spiritiżmu. Imma l-​Bibbja tikkmandana biex nibqgħu ’l bogħod minn kull ħaġa li għandha x’taqsam mad-​demonji. (Galatin 5:19-​21) Għala? Bħalma kaċċatur juża nassa biex jaqbad l-​annimali, id-​demonji jużaw modi differenti biex iqarrqu bin-​nies ħalli jaqbduhom f’nassa u jikkontrollawhom.—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 26.

11. X’inhu t-​teħbir, u għala għandna nevitawh?

11 Mod wieħed kif iqarrqu bin-​nies hu permezz tat-​teħbir. Dan jinvolvi l-​użu taʼ qawwiet sopranaturali biex dak li jkun jipprova jsir jaf il-​futur jew dak li ma jafx. Xi ħadd forsi jipprova jagħmel dan billi jħares lejn l-​istilel, ifittex sinjali, juża karti tal-​qari tax-​xorti u boċċi tal-​kristall, jew jaqra x-​xorti minn id dak li jkun. Ħafna nies jaħsbu li dawn il-​prattiki mhumiex perikolużi, imma dan mhux minnu. Huma perikolużi ħafna. Pereżempju, il-​Bibbja turi li d-​demonji u dawk li jaqraw ix-​xorti jaħdmu flimkien. F’​Atti 16:16-​18 naqraw dwar “demonju tat-​teħbir” li għen lil waħda tfajla biex tkun tistaʼ ‘tbassar.’ Wara li l-​appostlu Pawlu keċċa d-​demonju, it-​tfajla tilfet l-​abbiltà li kellha biex tbassar il-​futur.

12. (a) Għala hu perikoluż li tipprova tikkomunika mal-​mejtin? (b) Il-​qaddejja t’Alla għala qatt ma jinvolvu ruħhom fi drawwiet demoniċi?

12 Id-​demonji jużaw xi ħaġa oħra biex iqarrqu bin-​nies. Huma jriduna nemmnu li nistgħu nkellmu lill-​mejtin. Iriduna nemmnu wkoll li dawk li mietu fil-​fatt għadhom ħajjin xi mkien u jistgħu jikkomunikaw magħna jew iweġġgħuna. Pereżempju, individwu li jkun tilef lil xi ħabib jew qarib fil-​mewt forsi jmur għand xi ħadd li jgħid li jistaʼ jkellem lill-​mejtin. Dan forsi jgħid lill-​individwu xi ħaġa interessanti dwar il-​ħabib jew il-​qarib mejjet u saħansitra jimita l-​leħen tal-​persuna li mietet. (1 Samwel 28:3-​19) Anki ħafna drawwiet tal-​funerali għandhom x’jaqsmu mat-​twemmin li l-​mejtin għadhom ħajjin xi mkien. Dawn jistgħu jinkludu ċelebrazzjonijiet tal-​funerali, anniversarji tal-​funerali, sagrifiċċji għall-​mejtin jew xi drawwa oħra. Meta l-​Kristjani jirrifjutaw li jieħdu sehem f’dawn id-​drawwiet, il-​familji tagħhom jew dawk li jgħixu fl-​irħula tagħhom għandhom mnejn jikkritikawhom, jinsultawhom, jew jirrifjutaw li jkellmuhom. Imma l-​Kristjani jafu li l-​mejtin mhumiex ħajjin xi mkien ieħor. Huwa impossibbli li nikkomunikaw magħhom, u huma ma jistgħux iweġġgħuna. (Salm 115:17) Oqgħod attent ħafna. Qatt m’għandek tipprova tikkomunika maʼ dawk li mietu jew mad-​demonji u qatt m’għandek tinvolvi ruħek fi drawwiet demoniċi.—Aqra Dewteronomju 18:10, 11; Isaija 8:19.

13. Ħafna nies li xi darba kienu jibżgħu mid-​demonji xi rnexxielhom jagħmlu?

13 Id-​demonji mhux biss iqarrqu bin-​nies imma anki jbeżżgħuhom. Illum, Satana u d-​demonji tiegħu jafu li “żmien qasir” biss baqgħalhom qabel ma Alla jneħħihom minn fuq l-​art, allura huma iktar vjolenti u aggressivi minn qatt qabel. (Rivelazzjoni 12:12, 17) Madankollu, eluf taʼ nies li xi darba kienu jibżgħu mid-​demonji issa m’għadhomx jibżgħu minnhom. Kif irnexxielhom jegħlbu l-​biżaʼ tagħhom mid-​demonji?

IRREŻISTI D-​DEMONJI U NĦELES MINNHOM

14. Bħall-​Kristjani fl-​ewwel seklu, kif nistgħu ninħelsu mid-​demonji?

14 Il-​Bibbja tgħidilna kif nistgħu nirreżistu d-​demonji u kif ninħelsu minnhom. Pereżempju, xi wħud fil-​belt t’Efesu kienu jikkomunikaw mad-​demonji qabel ma tgħallmu l-​verità. Kif inħelsu minnhom? Il-​Bibbja tgħid: “Għadd ġmielu minn dawk li kienu jipprattikaw l-​arti tal-​maġija ġabru l-​kotba tagħhom flimkien u ħarquhom quddiem kulħadd.” (Atti 19:19) Peress li riedu jkunu Kristjani, huma qerdu l-​kotba kollha tagħhom li kellhom x’jaqsmu mal-​maġija. Illum hemm bżonn li tittieħed azzjoni simili. Kull min irid jaqdi lil Ġeħova jrid jeħles mill-​affarijiet li għandhom x’jaqsmu mad-​demonji. Dan jinkludi kotba, rivisti, oroskopji, films, mużika, logħob, u saħansitra stampi li l-​maġija, id-​demonji, jew affarijiet sopranaturali jagħmluhom jidhru li huma bla periklu jew eċċitanti. Jinkludi wkoll affarijiet li n-​nies jilbsu biex jipproteġu ruħhom mill-​ħażen.—1 Korintin 10:21.

15. Xi rridu nagħmlu iktar biex nirreżistu lil Satana u d-​demonji?

15 Xi snin wara li dawk f’Efesu qerdu l-​kotba tagħhom dwar il-​maġija, l-​appostlu Pawlu kiteb li huma xorta kellhom ‘jissaraw’ u jiġġieldu “kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar.” (Efesin 6:12) Iva, avolja diġà kienu ħarqu l-​kotba tagħhom, id-​demonji kienu għadhom qed jipprovaw iweġġgħuhom. Allura, x’riedu jagħmlu iktar? Pawlu qalilhom: “Aqbdu f’idejkom it-​tarka kbira tal-​fidi, li biha tkunu tistgħu titfu [jew, twaqqfu] l-​vleġeġ tan-​nar kollha tal-​Ħażin.” (Efesin 6:16) Sewwasew bħalma tarka tipproteġi lil suldat f’battalja, il-​fidi tagħna tistaʼ tipproteġina. Jekk inkunu fiduċjużi għalkollox li Ġeħova jistaʼ jipproteġina, se nkunu nistgħu nirreżistu lil Satana u d-​demonji.—Mattew 17:20.

16. Kif nistgħu nsaħħu l-​fidi tagħna f’Ġeħova?

16 Kif nistgħu nsaħħu l-​fidi tagħna f’Ġeħova? Għandna bżonn naqraw il-​Bibbja kuljum u nitgħallmu nistrieħu fuqu biex jipproteġina. Jekk ikollna fiduċja soda f’Ġeħova, Satana u d-​demonji mhux se jkunu jistgħu jagħmlulna l-​ħsara.—1 Ġwanni 5:5.

17. X’hemm iktar li jistaʼ jipproteġina mid-​demonji?

17 X’kellhom jagħmlu iktar il-​Kristjani f’Efesu? Huma kienu jgħixu f’belt mimlija demoniżmu. Allura Pawlu qalilhom: “Ibqgħu itolbu f’kull okkażjoni.” (Efesin 6:18) Huma kellhom bżonn jitolbu lil Ġeħova għall-​protezzjoni tiegħu l-​ħin kollu. Xi ngħidu għalina? Aħna wkoll ngħixu f’dinja li hi mimlija demoniżmu. Allura anki aħna rridu nitolbu lil Ġeħova għall-​protezzjoni tiegħu, u għandna nużaw ismu meta nitolbu. (Aqra Proverbji 18:10.) Jekk nibqgħu nitolbu lil Ġeħova biex jeħlisna minn Satana, Ġeħova se jwieġeb it-​talb tagħna.—Salm 145:19; Mattew 6:13.

18, 19. (a) Kif nistgħu nirbħu l-​ġlieda tagħna kontra Satana u d-​demonji? (b) Liema mistoqsija se tiġi mwieġba fil-​kapitlu li jmiss?

18 Jekk inneħħu kull ħaġa f’ħajjitna li għandha x’taqsam mad-​demoniżmu u nistrieħu fuq Ġeħova biex jipproteġina, aħna nistgħu nirreżistu lil Satana u d-​demonji. M’għandniex għalfejn nibżgħu minnhom. (Aqra Ġakbu 4:7, 8.) Ġeħova hu ħafna iktar b’saħħtu mid-​demonji. Hu kkastigahom fi żmien Noè, u fil-​futur se jeqridhom. (Ġuda 6) Ftakar, m’aħniex waħedna fil-​ġlieda tagħna. Ġeħova qed juża l-​anġli tiegħu biex jipproteġina. (2 Slaten 6:15-​17) Aħna jistaʼ jkollna fiduċja li bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, nistgħu nirbħu l-​ġlieda tagħna kontra Satana u d-​demonji.—1 Pietru 5:6, 7; 2 Pietru 2:9.

19 Imma jekk Satana u d-​demonji qed jikkaġunaw din it-​tbatija kollha, għala għadu ma qeridhomx Alla? Din il-​mistoqsija se tiġi mwieġba fil-​kapitlu li jmiss.