Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

MISTOQSIJA 4

Kif nistaʼ nirranġa l-​iżbalji tiegħi?

Kif nistaʼ nirranġa l-​iżbalji tiegħi?

GĦALA HU IMPORTANTI

Għax meta tammetti l-​iżbalji tiegħek issir persuna iktar responsabbli u taʼ min jafdak.

INT KIEKU X’TAGĦMEL?

Immaġina din ix-​xena: Waqt li kien qed jilgħab maʼ sħabu, Tim iwaddab il-​ballun u jkisser il-​windskrin taʼ karozza tal-​ġar tiegħu.

Li kieku kont Tim, int kieku x’tagħmel?

IEQAF U AĦSEB!

GĦANDEK TLIET GĦAŻLIET:

  1. Titlaq tiġri.

  2. Twaħħal f’ħaddieħor.

  3. Tgħid lill-​ġar tiegħek x’ġara, u toffri li tħallas l-​ispejjeż.

Jistaʼ jkun li titħajjar tagħżel A. Imma dejjem hemm raġunijiet tajba għala għandek tammetti l-​iżbalji tiegħek—kemm jekk jinvolvi ħġieġa mkissra u kemm jekk xi ħaġa oħra.

TLIET RAĠUNIJIET GĦALA GĦANDEK TAMMETTI L-​IŻBALJI TIEGĦEK

  1. Għax hekk hu xieraq li tagħmel.

    Il-​Bibbja tgħid: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.”—Ebrej 13:18.

  2. Għax in-​nies huma iktar lesti li jaħfru lil dawk li jammettu l-​iżbalji tagħhom.

    Il-​Bibbja tgħid: “Min jgħatti n-​nuqqasijiet tiegħu m’huwiex se jirnexxi, imma min jistqarrhom u jitlaqhom jintwera ħniena.”—Proverbji 28:13.

  3. L-​iktar importanti, għax tkun qed togħġob lil Alla.

    Il-​Bibbja tgħid: “Il-​qarrieq huwa mistkerrah minn Ġeħova, imma Hu għandu relazzjoni intima mar-​retti.”—Proverbji 3:32.

Karina, li għandha 20 sena, ipprovat taħbi ċitazzjoni minn missierha. Imma ma setgħetx iżżommha moħbija għal dejjem. Karina tgħid: “Madwar sena wara, missieri induna li kien hemm ċitazzjoni fuq ismi. Tgħidx kemm ġejt f’inkwiet!”

X’tgħallmet? Karina tgħid: “Jekk tipprova taħbi xi żball tkun biss qed tiggrava s-​sitwazzjoni. Xorta jkollok tpatti għalih iktar ’il quddiem!”

KIF TISTAʼ TITGĦALLEM MILL-​IŻBALJI TIEGĦEK

Il-​Bibbja tgħid: “Ilkoll nitfixklu [jew, nagħmlu żbalji] ħafna drabi.” (Ġakbu 3:2) U bħalma rajna, li tammetti l-​iżbalji tiegħek—u mill-​ewwel—hu sinjal taʼ umiltà u maturità.

Il-​pass li jmiss hu li titgħallem mill-​iżbalji tiegħek. Tfajla jisimha Vera tgħid: “Jien nipprova nqis kull żball bħala esperjenza li nitgħallem minnha u nħalliha tgħinni nkun persuna aħjar. Ukoll nitgħallem biex darb’oħra nittratta s-​sitwazzjoni b’mod differenti.” Ejja naraw kif int tistaʼ tagħmel dan.

Tieħu r-​rota taʼ missierek u tagħmlilha l-​ħsara. X’tagħmel wara?

  • Ma tgħid xejn u tittama li missierek ma jindunax.

  • Tgħid lil missierek x’ġara eżatt.

  • Tgħid lil missierek x’ġara imma twaħħal f’xi ħadd ieħor.

Ma tgħaddix minn eżami għax ma tkunx studjajt għalih. X’tagħmel wara?

  • Twaħħal fl-​eżami.

  • Tieħu r-​responsabbiltà għala ma ġibtx marki tajbin.

  • Tgħid li l-​għalliem għandu xi ħaġa kontrik.

Jekk toqgħod thewden fuq l-​iżbalji li għamilt fil-​passat ikun bħallikieku qed issuq karozza u fl-​istess ħin qed tħares fil-​mera biex tara wara

Issa erġaʼ aħseb dwar ix-​xeni li għadna kif semmejna, u pprova immaġina li int (1) missierek u (2) l-​għalliem tiegħek. Missierek u l-​għalliem tiegħek x’se jaħsbu dwarek jekk mill-​ewwel tammetti l-​iżbalji tiegħek? X’se jaħsbu dwarek jekk tipprova tgħatti l-​iżbalji tiegħek?

Issa aħseb dwar żball li għamilt matul is-​sena l-​oħra u wieġeb il-​mistoqsijiet li ġejjin.

X’kien l-​iżball? X’għamilt wara?

  • Ipprovajt ngħattih.

  • Waħħalt f’xi ħadd ieħor.

  • Ammettejt mill-​ewwel.

Jekk m’ammettejtx l-​iżball tiegħek, kif ħassejtek wara?

  • Tajjeb—għaddejtha lixxa!

  • Ħati—Missni għedt il-​verità.

Kif stajt tittratta s-​sitwazzjoni aħjar?

X’tgħallimt mill-​iżball tiegħek?

INT X’TAĦSEB?

Xi nies għala jżommu lura milli jammettu l-​iżbalji tagħhom?

In-​nies x’se jaħsbu dwarek jekk dejjem tipprova tgħatti l-​iżbalji tiegħek, imma x’se jaħsbu dwarek jekk tammetti l-​iżbalji tiegħek?—Luqa 16:10.