Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

MISTOQSIJA 8

X’għandi nkun naf dwar l-​attakki sesswali?

X’għandi nkun naf dwar l-​attakki sesswali?

GĦALA HU IMPORTANTI

Kull sena, miljuni taʼ nies jisfaw vittmi taʼ stupru jew taʼ abbuż sesswali, u ż-​żgħażagħ huma l-​mira ewlenija.

INT KIEKU X’TAGĦMEL?

Dak li attakka lil Annette tefagħha mal-​art qabel ma rrealizzat x’kien qed jiġri. “Għamilt minn kollox biex inwaqqfu,” tgħid hi. “Ipprovajt inwerżaq, iżda marli leħni. Imbottajtu, tajtu daqqiet taʼ sieq u daqqiet taʼ ponn, u griftu. Kien proprju f’dan il-​ħin li ħassejt sikkina tinfidni. Spiċċajt bla saħħa.”

Li kieku kont f’sitwazzjoni bħal din, x’kont tagħmel?

IEQAF U AĦSEB!

Filwaqt li tistaʼ tkun ippreparat—forsi billi toqgħod iktar attent meta tkun barra billejl—xorta jistgħu jiġru affarijiet ħżiena. “Il-​ħfief mhux dejjem jirbħu t-​tiġrija,” tgħid il-​Bibbja, “lanqas dawk li għandhom l-​għarfien ma jkollhom l-​approvazzjoni; għax iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.”—Ekkleżjasti 9:11.

Xi żgħażagħ, bħal Annette, jiġu attakkati minn stranġier. Oħrajn jiġu attakkati minn xi ħadd li jafu jew saħansitra minn membru tal-​familja. Meta kellha biss 10 snin, Natalie ġiet abbużata sesswalment minn żagħżugħ li kien jgħix viċin id-​dar tagħha. Hi tgħid: “Tant bżajt u stħajt li għall-​ewwel m’għedt lil ħadd.”

MHUWIEX TORT TIEGĦEK

Annette għadha sal-​ġurnata tal-​lum tħossha ħatja minħabba dak li ġralha. Hi tgħid: “Għal darba wara l-​oħra, għadni nġib ċar quddiem għajnejja x’ġara dak il-​lejl. Inħoss li stajt nagħmel sforz ikbar biex niġġilidlu. Iżda li ġara hu li wara li tani daqqa taʼ sikkina, ipparalizzajt ruħi bil-​biżaʼ. Ma stajt nagħmel xejn iktar, imma nħoss li kien imissni għamilt.”

Anki Natalie għadha tħossha ħatja. “Ma messnix fdajt daqshekk,” tgħid hi. “Il-​ġenituri tiegħi kienu jgħidulna biex jien u oħti nibqgħu flimkien meta nkunu qed nilagħbu barra, imma jien ma smajtx minnhom. Għalhekk, inħoss li tajt lill-​ġar tiegħi l-​opportunità biex iweġġagħni. Dak li ġara effettwa lill-​familja tiegħi u jien inħossni responsabbli li ġegħelthom jgħaddu minn dak l-​uġigħ taʼ qalb kollu. Din hi l-​iktar ħaġa li tkiddni.”

Jekk is-​sentimenti tiegħek huma simili għal dawk taʼ Annette jew taʼ Natalie, tajjeb li żżomm f’moħħok li xi ħadd li jiġi stuprat, ma jkunx involva ruħu minn jeddu. Xi nies jiħduha ħafif ħafif billi jġibu l-​iskuża li huwa normali għas-​subien li jġibu ruħhom b’dan il-​mod u li l-​vittmi taʼ stupru jkunu qed jistidnuha. Imma ħadd ma jixraqlu li jiġi stuprat. Jekk int sfajt vittma taʼ xi ħaġa terribbli bħal din, mhuwiex tort tiegħek!

Naturalment, huwa faċli li taqra l-​istqarrija “mhuwiex tort tiegħek,” iżda għandu mnejn ikun ħafna iktar diffiċli biex temminha. Xi wħud ma jgħidu xejn dwar dak li jkun ġara u minħabba f’hekk iħossu sentimenti taʼ ħtija u emozzjonijiet negattivi oħrajn. Però, is-​silenzju tiegħek lil min ikun qed jgħin? Lilek, jew lil min ikun abbuża minnek? Ikun taʼ benefiċċju għalik jekk tikkunsidra għażla oħra.

TKELLEM MAʼ XI ĦADD

Il-​Bibbja tgħidilna li meta kien għaddej mill-​agħar fażi taʼ ħajtu, ir-​raġel ġust Ġob qal: “Nitkellem fl-​imrar taʼ ruħi!” (Ġob 10:1) Int tistaʼ tibbenefika jekk tagħmel l-​istess. Meta titkellem dwar dak li ġralek maʼ xi ħadd li tafda, tistaʼ tiġi megħjun taċċetta dak li jkun ġara u tegħleb is-​sentimenti li jkun ġab miegħu.

Is-​sentimenti tiegħek jaf ikunu tqal wisq biex iġġorrhom waħdek. Għala ma tfittixx l-​għajnuna billi titkellem maʼ xi ħadd?

Annette taqbel maʼ dan. Hi tgħid: “Jien tkellimt maʼ ħabiba tal-​qalb u ħeġġitni biex nitkellem maʼ xi anzjani Kristjani fil-​kongregazzjoni tiegħi. U mnalla għamilt hekk. Huma poġġew bilqiegħda miegħi diversi drabi u qaluli eżatt dak li kelli bżonn nismaʼ—li dak li ġara ma kienx it-​tort tiegħi. Fil-​fatt, jien ma naħti għall-​ebda ħaġa li ġrat.”

Natalie tkellmet mal-​ġenituri tagħha dwar l-​abbuż. “Huma tawni l-​appoġġ tagħhom,” tgħid hi. “Inkuraġġewni biex nitkellem dwar l-​abbuż u dan għenni biex ma jkollix daqshekk dwejjaq u rabja ġo fija.”

Natalie sabet faraġ ukoll fit-​talb. Hi tgħid: “Li nitkellem m’Alla fit-​talb kien t’għajnuna kbira. Speċjalment f’dak iż-​żmien meta ħassejt li ma stajt niftaħ qalbi maʼ ħadd. Meta nitlob inkun nistaʼ ngħid dak li nħoss. It-​talb jagħtini paċi u kalma kbira.”

Anki int tistaʼ tara li hemm ‘żmien li tfiq.’ (Ekkleżjasti 3:3) Ħu ħsieb tiegħek innifsek kemm fiżikament u kemm emozzjonalment. Ħu l-​mistrieħ li jkollok bżonn. U fuq kollox, strieħ fuq Ġeħova, l-​Alla taʼ kull faraġ.—2 Korintin 1:3, 4.

JEKK GĦANDEK ETÀ BIŻŻEJJED BIEX TOĦROĠ MAʼ XI ĦADD

Jekk int tfajla u qed ikollok pressjoni biex tieħu sehem f’kondotta mhux nadifa, m’hemm xejn ħażin li b’mod sod tgħid, “Tagħmilx hekk!” jew, “Neħħi jdejk minn fuqi!” Iżżommx lura għax tibżaʼ li jistaʼ jitilqek l-​għarus. Jekk jitilqek minħabba f’hekk, mhuwiex taʼ min jibqaʼ miegħu! Int jistħoqqlok raġel taʼ veru, wieħed li jirrispetta lil ġismek u l-​prinċipji tiegħek.

KWIZZ DWAR IL-​FASTIDJU SESSWALI

“Fl-​iskola sekondarja, xi subien kienu jiġbduli l-​bra u jgħaddu kummenti offensivi—bħal pereżempju kemm kont se nħossni aħjar jekk ikolli x’naqsam magħhom.”—Coretta.

Taħseb li dawn is-​subien kienu qed

  1. Jinkuha?

  2. Jifflertjaw magħha?

  3. Jagħtuha fastidju sesswali?

“Fuq tal-​linja, ġuvni beda jgħidli affarijiet ħamalli u jmissni. Neħħejtlu idu minn fuqi u għedtlu biex jersaq minn ħdejja. Hu ħares lejja qisni kont xi waħda miġnuna.”—Candice.

X’taħseb li dan il-​ġuvni kien qed jagħmlilha lil Candice?

  1. Jinkiha?

  2. Jifflertja magħha?

  3. Jagħtiha fastidju sesswali?

“Is-​sena l-​oħra, ġuvni baqaʼ jgħidli li kellu grazzja miegħi u li ried joħroġ miegħi, avolja l-​ħin kollu kont ngħidlu le. Kultant, kien imellisli idi. Għedtlu biex jieqaf imma ma tax kas. Imbagħad, meta kont qed naqfel iż-​żarbun tani daqqa fuq il-​warrani.”—Bethany.

Fl-​opinjoni tiegħek, dan il-​ġuvni kien qed:

  1. Jinkiha?

  2. Jifflertja magħha?

  3. Jagħtiha fastidju sesswali?

It-​tweġiba tajba għat-​tliet mistoqsijiet hi ċ-​Ċ.

X’inhu dak li jagħmel il-​fastidju sesswali differenti milli wieħed jinki jew jifflertja?

Il-​fastidju sesswali hu min-​naħa waħda biss. Dan jibqaʼ sejjer anki meta l-​vittma tgħid lil dak li jkun biex jieqaf.

Il-​fastidju hu xi ħaġa serja. Dan jistaʼ jwassal għall-​vjolenza sesswali.