Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 11

Prova tal-fidi

Prova tal-fidi

Abraham għallem lil ibnu Iżakk biex iħobb lil Ġeħova u biex jafda fil-​wegħdi kollha taʼ Ġeħova. Imma meta Iżakk kellu madwar 25 sena, Ġeħova talab lil Abraham biex jagħmel xi ħaġa li kienet se tkun diffiċli ħafna. Taf x’kienet?

Alla qal lil Abraham: ‘Jekk jogħġbok, ħu lill-​uniku iben tiegħek u offrih bħala sagrifiċċju fuq muntanja fl-​art taʼ Morija.’ Abraham ma kellu l-​ebda idea għala Ġeħova kien qallu biex jagħmel hekk. Imma hu xorta obda lil Ġeħova.

Kmieni l-​għada filgħodu, Abraham ħa lil Iżakk u tnejn mill-​qaddejja tiegħu u telqu lejn Morija. Wara tlett ijiem, bdew jaraw il-​muntanji fil-​bogħod. Abraham qal lill-​qaddejja tiegħu biex jistennew waqt li hu u Iżakk imorru biex joffru sagrifiċċju. Abraham qabbad lil Iżakk biex iġorr l-​injam għan-​nar, u hu ġarr is-​sikkina. Iżakk staqsa lil missieru: ‘Fejn hu l-​annimal li se noffru?’ Abraham wieġbu: ‘Ibni, Ġeħova se jipprovdihulna.’

Meta fl-​aħħar waslu fuq il-​muntanja, huma bnew artal. Imbagħad, Abraham lil Iżakk rabatlu jdejh u saqajh u poġġieh fuq l-​artal.

Abraham qabad is-​sikkina f’idu. F’dak il-​mument, l-​anġlu taʼ Ġeħova sejjaħlu mis-​smewwiet: ‘Abraham! Toqtlux lit-​tifel! Issa naf li int għandek fidi f’Alla għax kont lest li tissagrifika lil ibnek.’ Imbagħad Abraham ra muntun maqbud minn qrunu fil-​friegħi tas-​siġra. Abraham ħall lil Iżakk u minflok offra l-​muntun bħala sagrifiċċju.

Minn dakinhar ’il quddiem, Ġeħova sejjaħ lil Abraham il-​ħabib tiegħu. Taf għala? Għax Abraham dejjem għamel dak li Ġeħova qallu biex jagħmel, anke meta ma fehemx għala Ġeħova kien qallu biex jagħmel hekk.

Imbagħad, Ġeħova rripeta l-​wegħda lil Abraham: ‘Jien se nbierkek, u nislek, jew uliedek, se jiżdiedu.’ Dan kien ifisser li Ġeħova kien se jbierek lin-​nies tajbin kollha mill-​familja t’Abraham.

“Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 3:16