Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 16

Min kien Ġob?

Min kien Ġob?

Fl-​art taʼ Uż, kien jgħix raġel li kien iqim lil Ġeħova. Kien jismu Ġob. Hu kien raġel sinjur ħafna b’familja kbira. Kien qalbu tajba u kien jgħin lil nies foqra, nisa li jkun mitilhom ir-​raġel, u tfal li ma kellhomx ġenituri. Ifisser li għax Ġob kien jagħmel dak li hu tajjeb, hu qatt ma kien se jkollu problemi?

Ġob ma kienx jaf li Satana x-​Xitan kien qed jara x’qed jagħmel. Ġeħova qal lil Satana: ‘Qatt innotajtu lill-​qaddej tiegħi Ġob? M’hemm ħadd bħalu fuq l-​art. Hu jismaʼ minni u jagħmel dak li hu tajjeb.’ Satana wieġbu: ‘Dażgur li jobdik. Int tipproteġih u tbierku. Int tajtu l-​art u l-​annimali. Issa, ħudlu kollox, u tara kif jieqaf jaqdik.’ Ġeħova qallu: ‘Tistaʼ tittestja lil Ġob. Imma ma tistax toqtlu.’ Ġeħova għala ħalla lil Satana jittestja lil Ġob? Għax Hu kien ċert li Ġob kien se jibqaʼ leali.

Satana beda jgħaddi lil Ġob minn provi billi kkaġunalu diversi traġedji. L-​ewwel, hu bagħat nies li jissejħu Sabegħanin biex jisirqu l-​baqar u l-​ħmir taʼ Ġob. Imbagħad, nar qeridlu n-​nagħaġ kollha. Grupp ieħor taʼ nies, il-​Kaldin, serqu l-​iġmla tiegħu. Il-​qaddejja li kienu qed jieħdu ħsieb dawn l-​annimali ġew maqtulin ukoll. Wara ġrat xi ħaġa kera ħafna, l-​agħar traġedja. L-​ulied kollha taʼ Ġob mietu waqt festa, meta d-​dar li kienu fiha waqgħet fuqhom. Għalkemm Ġob kellu qalbu maqsuma, hu xorta ma waqafx iqim lil Ġeħova.

Satana ried li Ġob isofri ħafna iktar minn hekk, u allura mlielu ġismu kollu msiemer. Ġob kien muġugħ ħafna. Hu ma kienx jaf għala kienu qed jiġrulu dawn l-​affarijiet kollha. Madankollu, Ġob xorta baqaʼ jqim lil Ġeħova. Alla ra dan kollu, u hu kien kuntent ħafna b’Ġob.

Imbagħad, Satana bagħat tlett irġiel għand Ġob biex jittestjawh. Huma qalulu: ‘Żgur li għamilt dnub u pprovajt taħbih. Alla qed jikkastigak.’ Ġob wieġeb: ‘Jien m’għamilt xejn ħażin.’ Imma mbagħad beda jaħseb li kien Ġeħova li qed jibgħatlu dawn il-​problemi, u qal li Alla ma kienx qed jimxi sew miegħu.

Żagħżugħ li kien jismu Eliħu kien qed jismaʼ bil-​kwiet il-​konversazzjoni. Imbagħad tkellem u qal: ‘Dak kollu li għedtu intom, hu żbaljat. Ġeħova għandu qawwa iktar minn kemm naħsbu aħna. Hu qatt ma jistaʼ jagħmel xi ħaġa ħażina. Hu jara kollox u jgħin lin-​nies fil-​problemi tagħhom.’

Imbagħad Ġeħova kellem lil Ġob. Hu qal: ‘Fejn kont int meta jien ħlaqt is-​sema u l-​art? Għala qed tgħid li mhux qed nimxi sew miegħek? Int tkellimt bla ma taf x’kien qed jiġri.’ Ġob ammetta l-​iżball tiegħu u qal: ‘Żbaljajt. Jien kont smajt dwarek, imma issa sirt nafek sew. Xejn mhu impossibbli għalik. Jiddispjaċini għal dak li għedt.’

Wara dawn il-​provi kollha, Ġeħova reġaʼ ta s-​saħħa lil Ġob u tah ħafna iktar minn kemm kellu qabel. Ġob għex ħajja twila u mimlija ferħ. Ġeħova bierek lil Ġob talli semaʼ minnu anki meta kien diffiċli ħafna għalih. Se tkun int bħal Ġob u tibqaʼ tqim lil Ġeħova, jiġri x’jiġri?

“Smajtu bis-​sabar taʼ Ġob u rajtu t-​tmiem li tah Ġeħova.”—Ġakbu 5:11