Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 21

L-għaxar kastig

L-għaxar kastig

Mosè wiegħed lill-​Fargħun li kien se jipprova ma jerġax jidher quddiemu. Imma qabel telaq, qal lill-​Fargħun: ‘F’nofsillejl, kull l-​ewwel tifel imwieled fl-​art tal-​Eġittu, mill-​iben tal-​Fargħun sa wlied l-​ilsiera, ħa jmut.’

Ġeħova qal lill-​Iżraelin biex jagħmlu ikla speċjali. Hu qalilhom: ‘Oqtlu ħaruf raġel taʼ sena tan-​nagħaġ jew tal-​mogħoż, u ċappsu ftit mid-​demm tiegħu mad-​daħla tal-​bieb tad-​dar tagħkom. Ixwu l-​laħam, u kuluh mal-​ħobż bla ħmira. Araw li tkunu lebsin u jkollkom is-​sandli f’saqajkom, lesti biex titilqu. Dal-​lejl jien se nsalvakom.’ Tistaʼ timmaġina kemm kienu eċċitati l-​Iżraelin?

F’nofsillejl, l-​anġlu taʼ Ġeħova mar f’kull dar fl-​Eġittu. L-​ewwel tifel imwieled fid-​djar li ma kellhomx id-​demm imċappas mad-​daħla tal-​bieb, miet. Imma l-​anġlu qabeż id-​djar li kellhom il-​marka tad-​demm. Kull familja Eġizzjana, sinjura u fqira, tilfet iben. Imma ħadd mit-​tfal tal-​Iżraelin ma miet.

Anke iben il-​Fargħun miet. Il-​Fargħun ma felaħx iżjed. Minnufih qal lil Mosè u ’l Aron: ‘Itilqu minn hawn. Morru aqdu lil Alla tagħkom. Ħudu l-​annimali tagħkom u itilqu!’

Taħt qamar kwinta, l-​Iżraelin ħarġu ’l barra mill-​Eġittu, organizzati f’familji u fi tribujiet (gruppi tal-​istess familja). Kien hemm 600,000 raġel Iżraeli u ħafna nisa u tfal. Ukoll, ħafna nies oħra marru magħhom biex huma wkoll ikunu jistgħu jqimu lil Ġeħova. L-​Iżraelin sa fl-​aħħar ma baqgħux taħt l-​Eġizzjani!

Biex jiftakru kif Ġeħova kien salvahom, huma kellhom jagħmlu din l-​ikla speċjali kull sena. Din kienet imsejħa l-​ikla tal-​Qbiż.

“Għal dan l-​istess skop ħallejtek tibqaʼ, biex permezz tiegħek nuri l-​qawwa tiegħi u ismi jixxandar fl-​art kollha.”—Rumani 9:17