Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 25

Tabernaklu għall-qima

Tabernaklu għall-qima

Meta Mosè kien fuq il-​Muntanja Sinaj, Ġeħova qallu biex jibni tinda speċjali, li tissejjaħ tabernaklu, fejn l-​Iżraelin setgħu jqimu lil Alla. It-​tabernaklu kien se jkun jistaʼ jinġarr.

Ġeħova qallu: ‘Għid lin-​nies ħalli jagħtu dak kollu li jistgħu biex jgħinu fil-​bini tat-​tabernaklu.’ L-​Iżraelin taw deheb, fidda, ram aħmar, ħaġar prezzjuż, u ġojjelli. Taw ukoll suf, għażel fin (linen), ġlud tal-​annimali, u ħafna materjal ieħor. Tant kienu ġenerużi, li Mosè qalilhom: ‘Għandna biżżejjed! Iġġibux iktar.’

Ħafna rġiel u nisa tas-​sengħa għenu biex jinbena t-​tabernaklu. Ġeħova tahom l-​ispirtu qaddis tiegħu biex ikunu kapaċi jagħmlu x-​xogħol. Uħud minnhom kienu jagħmlu l-​ħajt, id-​drapp, jew jagħmlu disinni fuq id-​drapp bil-​ħajt. Jerġaʼ oħrajn kienu jwaħħlu l-​ħaġar prezzjuż, jagħmlu xogħol bid-​deheb, jew inaqqxu l-​injam.

In-​nies bnew it-​tabernaklu eżatt kif kien qalilhom Ġeħova. Huma għamlu purtiera mill-​isbaħ biex jifirdu t-​tabernaklu f’żewġ partijiet, il-​Qaddis u l-​Iktar Qaddis. Fl-​Iktar Qaddis kien hemm l-​arka tal-​patt, li kienet magħmula mill-​injam tal-​akaċja u d-​deheb. Fil-​Qaddis kien hemm gandlier tad-​deheb, mejda, u artal għall-​ħruq tal-​inċens. Fil-​bitħa kien hemm vaska tar-​ram aħmar u artal kbir. L-​arka tal-​patt kienet tfakkar lill-​Iżraelin fil-​wegħda li kienu għamlu li se jobdu lil Ġeħova. Int taf x’inhu patt? Patt hu tip taʼ wegħda speċjali.

Ġeħova għażel lil Aron u lil uliedu biex jaqdu fit-​tabernaklu bħala qassisin. Huma kellhom jieħdu ħsieb it-​tabernaklu u hemm joffru offerti lil Ġeħova. Aron biss, il-​qassis il-​kbir, setaʼ jidħol fl-​Iktar Qaddis. Hu kien jagħmel dan darba fis-​sena biex joffri sagrifiċċju għal dnubietu, għad-​dnubiet tal-​familja tiegħu, u għad-​dnubiet tal-​poplu kollu taʼ Iżrael.

L-​Iżraelin lestew it-​tabernaklu sena wara li ħarġu mill-​Eġittu. Issa kellhom post fejn iqimu lil Ġeħova.

Ġeħova wera li kien kuntent, u fuq it-​tabernaklu poġġa sħaba. Meta s-​sħaba kienet tkun fuq it-​tabernaklu, l-​Iżraelin kienu jibqgħu fejn ikunu. Imma meta s-​sħaba kienet titlaʼ ’l fuq, huma kienu jindunaw li kien il-​waqt biex jiċċaqalqu. Kienu jżarmaw it-​tabernaklu u jimxu wara s-​sħaba.

“U smajt leħen għoli ġej mit-​tron u qal: ‘Ara! It-​tinda t’Alla hi mal-​bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-​popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom.’”—Rivelazzjoni 21:3