Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 28

Il-ħmara taʼ Balgħam titkellem

Il-ħmara taʼ Balgħam titkellem

L-​Iżraelin kienu ilhom fid-​deżert għal kważi 40 sena. Huma kienu rebħu ħafna bliet b’saħħithom. Issa, hekk kif kienu kkampjati fuq in-​naħat lixxi taʼ Mowab fil-​Lvant tax-​Xmara Ġordan, kien wasal il-​waqt li jidħlu fl-​Art Imwiegħda. Balak, is-​sultan taʼ Mowab, kien qed jibżaʼ li artu se taqaʼ taħt idejhom. Għalhekk, hu stieden raġel jismu Balgħam biex imur Mowab u jisħet lill-​Iżraelin, jiġifieri jgħidilhom li se jiġu affarijiet ħżiena ħafna fuqhom.

Imma Ġeħova qal lil Balgħam: ‘Int m’għandekx tisħet lill-​Iżraelin.’ Għalhekk, Balgħam ma marx. Is-​Sultan Balak reġaʼ stiednu għat-​tieni darba u wiegħdu li jagħtih kulma jrid. Xorta waħda, Balgħam m’aċċettax li jmur. Imbagħad Alla qallu: ‘Tistaʼ tmur, imma int għandek tgħid biss dak li ngħidlek jien.’

Balgħam telaʼ fuq il-​ħmara tiegħu u telaq lejn Mowab. Hu ppjana li jisħet lill-​Iżraelin avolja Ġeħova kien qallu biex ma jagħmilx hekk. L-​anġlu taʼ Ġeħova deher fit-​triq tliet darbiet. Balgħam ma setax jara l-​anġlu, imma l-​ħmara setgħet. L-​ewwel, il-​ħmara daret u pprovat tgħaddi minn għalqa. Imbagħad, bdiet tross mal-​ħajt u lil Balgħam rassitlu siequ. Fl-​aħħar, il-​ħmara ntefgħet fl-​art f’nofs taʼ triq. Balgħam beda kull darba jsawwatha b’zokk.

Mat-​tielet darba, Ġeħova ġiegħel lill-​ħmara titkellem. Il-​ħmara staqsiet lil Balgħam: ‘Għala qed tibqaʼ ssawwatni?’ Balgħam qal: ‘Int ġegħeltni nidher li m’iniex kapaċi. Kieku kelli xabla kont noqtlok.’ Il-​ħmara wiġbitu: ‘Ilek snin tirkeb fuqi. Qatt xi darba għamiltlek hekk?’

Imbagħad, Ġeħova ħalla lil Balgħam jara lill-​anġlu. L-​anġlu qallu: ‘Ġeħova wissiek biex ma tisħitx lill-​Iżraelin.’ Balgħam wieġbu: ‘Jien żbaljajt. Issa mmur lura d-​dar.’ Imma l-​anġlu qallu: ‘Tistaʼ tmur Mowab, imma int għandek tgħid biss dak li jgħidlek Ġeħova.’

Kien tgħallimha l-​lezzjoni Balgħam? Le. Wara dan, Balgħam ipprova jisħet lill-​Iżraelin tliet darbiet, imma minflok, kull darba Ġeħova ġiegħlu jberikhom. Iktar tard, l-​Iżraelin attakkaw lil Mowab, u Balgħam ġie maqtul. Ma kienx ikun aħjar li kieku Balgħam semaʼ minn Ġeħova mill-​ewwel?

“Għassu kontra kull xenqa b’għira, għax anki meta wieħed ikollu bl-​abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.”—Luqa 12:15