Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 31

Ġożwè u l-Gibegħonin

Ġożwè u l-Gibegħonin

L-​aħbar dwar Ġeriko nfirxet man-​nies fi bliet oħra f’Kangħan. Is-​slaten tagħhom iddeċidew li jingħaqdu flimkien biex jiġġieldu lill-​Iżraelin. Imma l-​Gibegħonin kellhom pjan differenti. Huma libsu ħwejjeġ qodma, marru għand Ġożwè, u qalulu: ‘Aħna ġejna minn pajjiż ’il bogħod. Aħna smajna dwar Ġeħova u dwar dak kollu li għamel għalikom fl-​Eġittu u f’Mowab. Wegħedna li ma tattakkaniex, u aħna nsiru l-​qaddejja tiegħek.’

Ġożwè emminhom u aċċetta li ma jattakkahomx. Tlett ijiem wara, sar jaf li huma ma kinux minn pajjiż ’il bogħod. Huma kienu mill-​art taʼ Kangħan. Ġożwè staqsa lill-​Gibegħonin: ‘Għala gdibtu?’ Huma wieġbu: ‘Aħna bdejna nibżgħu! Aħna nafu li Ġeħova Alla tagħkom qed jiġġieled għalikom. Jekk jogħġbok, toqtolniex.’ Ġożwè żamm kelmtu u ma qatilhomx.

Ftit wara, ħames slaten Kangħanin u l-​armati tagħhom bdew jheddu lin-​nies taʼ Gibegħon li se joqtluhom. Ġożwè u l-​armata tiegħu mmarċjaw il-​lejl kollu biex isalvawhom. Il-​ġlied beda kmieni l-​għada filgħodu. Il-​Kangħanin bdew jaħarbu jiġru ’l hemm u ’l hawn. Kull fejn bdew jiġru Ġeħova waddab silġ kbir fuqhom. Imbagħad Ġożwè qal lil Ġeħova biex iwaqqaf ix-​xemx. Għala talab lil Ġeħova biex iwaqqaf ix-​xemx meta qatt ma kien ġara hekk qabel? Għax Ġożwè kien jafda f’Ġeħova. Ix-​xemx ma ċċaqalqitx għal ġurnata sħiħa sakemm l-​Iżraelin rebħu lis-​slaten Kangħanin u l-​armati tagħhom.

“Il-​kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-​Le, Le; għax dak li hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-​Ħażin.”—Mattew 5:37