Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 33

Rut u Nagħomi

Rut u Nagħomi

Fiż-​żmien taʼ ġuħ kbir f’Iżrael, mara Iżraelija jisimha Nagħomi marret toqgħod fl-​art taʼ Mowab maʼ żewġha u ż-​żewġ subien tagħha. Maż-​żmien, ir-​raġel taʼ Nagħomi miet. It-​tfal tagħha żżewġu lil Rut u lil Għorfa, li kienu Mowabin. B’dispjaċir, maż-​żmien anki t-​tfal tagħha mietu.

Meta Nagħomi semgħet li l-​ġuħ f’Iżrael kien spiċċa, hi ddeċidiet li tmur lura f’art twelidha. Rut u Għorfa vvjaġġaw magħha imma fit-​triq Nagħomi qaltilhom: ‘Intom kontu nisa tajbin għal uliedi u kontu qalbkom tajba miegħi. Jien nixtieqkom terġgħu tiżżewġu. Morru lura f’Mowab.’ In-​nisa qalulha: ‘Aħna nħobbuk! Ma rridux nitilquk.’ Imma Nagħomi baqgħet tgħidilhom biex imorru. Fl-​aħħar, Għorfa marret lura imma Rut baqgħet magħha. Nagħomi qaltilha: ‘Għorfa sejra lura għand tal-​familja u l-​allat tagħha. Mur magħha, u mur għand dar ommok.’ Imma Rut qaltilha: ‘M’iniex se nitilqek. Il-​poplu tiegħek ikun il-​poplu tiegħi, u Alla tiegħek ikun Alla tiegħi.’ Kif taħseb li ħassitha Nagħomi xħin Rut qaltilha dan il-​kliem?

Rut u Nagħomi waslu f’Iżrael fiż-​żmien il-​ħsad tax-​xgħir (barley). Ġurnata minnhom, Rut marret biex tiġbor ix-​xgħir li kien baqaʼ mill-​għalqa taʼ raġel jismu Bogħaż, li kien it-​tifel taʼ Raħab. Hu kien semaʼ li Rut kienet Mowabija li b’lealtà kienet baqgħet maʼ Nagħomi. Hu qal lill-​ħaddiema tiegħu biex iħallu ftit xgħir żejjed fl-​għalqa ħalli Rut tkun tistaʼ tiġbru.

Filgħaxija, xħin marret lura d-​dar, Nagħomi staqsiet lil Rut: ‘Fl-​għalqa taʼ min kont qed taħdem illum?’ Rut wiġbitha: ‘Fl-​għalqa taʼ wieħed jismu Bogħaż.’ Nagħomi qaltilha: ‘Bogħaż jiġi minni, jiġi mill-​familja tar-​raġel tiegħi. Ibqaʼ aħdem fl-​għalqa tiegħu man-​nisa l-​oħra. Hemmhekk mhu se jiġrilek xejn.’

Rut baqgħet taħdem fl-​għalqa tiegħu sakemm spiċċa żmien il-​ħsad. Bogħaż kien innota li kienet taħdem iebes u li kienet mara tajba. F’dak iż-​żmien, jekk raġel kien imut u ma kienx ikollu subien, raġel mill-​familja tiegħu kien jiżżewweġ lill-​armla. Allura, Bogħaż iżżewweġ lil Rut. Huma kellhom tifel jismu Għobed, li maż-​żmien sar in-​nannu tas-​Sultan David. Il-​ħbieb taʼ Nagħomi kienu ferħanin ħafna għaliha. Huma qalulha: ‘Ġeħova l-​ewwel tak lil Rut, li kienet t’għajnuna kbira għalik, u issa tak neputi. Jalla Ġeħova jiġi mfaħħar.’

“Hemm ħabib li jintrabat miegħek iktar minn ħuk.”—Proverbji 18:24