Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 34

Gidegħon rebaħ lill-Midjanin

Gidegħon rebaħ lill-Midjanin

Maż-​żmien, l-​Iżraelin reġgħu telqu lil Ġeħova u bdew iqimu lill-​allat foloz. Għal sebaʼ snin, il-​Midjanin serqu l-​annimali tal-​Iżraelin u qerdulhom il-​ħxejjex li kienu jiżirgħu. Biex jaħarbu mill-​Midjanin, l-​Iżraelin staħbew fl-​għerien u fil-​muntanji. Huma talbu lil Ġeħova biex jgħinhom. Għalhekk, Ġeħova bagħat anġlu għand żagħżugħ jismu Gidegħon. L-​anġlu qallu: ‘Ġeħova għażel lilek biex tkun gwerrier setgħan.’ Gidegħon staqsieh: ‘Kif nistaʼ jien insalva lil Iżrael? Jien m’jien xejn.’

Gidegħon kif kien se jkun jaf li Ġeħova kien għażel lilu? Hu qabad biċċa ġilda bis-​suf u għamilha mal-​art u qal lil Ġeħova: ‘Jekk filgħodu s-​suf ikun imxarrab bin-​nida imma l-​art tkun niexfa, jien inkun naf li int tridni nsalva lil Iżrael.’ L-​għada filgħodu, is-​suf kien imxarrab għasra u l-​art kienet niexfa! Imma mbagħad Gidegħon staqsa lil Ġeħova biex din id-​darba s-​suf jibqaʼ niexef u l-​art tixxarrab. U hekk ġara. B’dan Gidegħon kien konvint li Ġeħova kien għażel lilu. Hu ġabar lis-​suldati tiegħu ħalli jiġġieldu lill-​Midjanin.

Ġeħova qal lil Gidegħon: ‘Jien se nagħti lill-​Iżraelin ir-​rebħa. Imma peress li għandek ħafna suldati, int forsi taħseb li kien bis-​saħħa tagħkom li rbaħtu l-​gwerra. Għid lis-​suldati li qed jibżgħu biex imorru d-​dar.’ Għalhekk 22,000 suldat telqu, u kien fadal 10,000. Ġeħova mbagħad qallu: ‘Xorta għad għandek ħafna suldati. Ħudhom ħdejn ix-​xmara u għidilhom biex jixorbu l-​ilma. Żomm miegħek biss lil dawk li joqogħdu għassa għall-​għadu huma u jixorbu.’ Kienu biss 300 raġel li baqgħu għassa. Ġeħova wiegħed lil Gidegħon li dawn l-​irġiel kienu se jirbħu lil 135,000 suldat taʼ Midjan.

Matul dak il-​lejl, Ġeħova qal lil Gidegħon: ‘Issa hu l-​ħin biex tattakka lill-​Midjanin!’ Gidegħon ta lil kull suldat tiegħu qarn u ġarra kbira b’torċa fiha. Hu qalilhom: ‘Ħarsu lejja u agħmlu kif nagħmel jien.’ Gidegħon daqq il-​qarn, kisser il-​ġarra tiegħu, xejjer it-​torċa, u għajjat: ‘Is-​sejf taʼ Ġeħova u taʼ Gidegħon!’ It-​300 raġel għamlu l-​istess. Il-​Midjanin tant twerwru li bdew jiġru ’l hemm u ’l hawn. Bil-​ġenn, huma bdew joqtlu lil xulxin. Għal darb’oħra, Ġeħova għen lill-​Iżraelin jirbħu lill-​għedewwa tagħhom.

“Sabiex il-​qawwa iktar min-​normal tkun t’Alla u mhux minna nfusna.”—2 Korintin 4:7