Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 35

Ħanna titlob biex ikollha tifel

Ħanna titlob biex ikollha tifel

Raġel Iżraeli jismu Elkana kellu żewġ nisa, Ħanna u Peninna, imma hu kien iħobb l-​iktar lil Ħanna. Peninna kienet tinki lil Ħanna l-​ħin kollu għax hi kellha ħafna tfal u Ħanna ma kellhiex. Kull sena, Elkana kien jieħu lill-​familja tiegħu biex iqimu fit-​tabernaklu f’Silo. Darba waħda, meta kienu hemmhekk, hu nnota li l-​maħbuba tiegħu Ħanna kienet imdejqa ħafna. Hu qalilha: ‘Ħanna, jekk jogħġbok, tibkix. Int għandek lili u jien inħobbok.’

Ftit wara, Ħanna marret biex titlob waħedha. Waqt li kienet qed titlob lil Ġeħova biex jgħinha, hi ma setgħetx tieqaf tibki. Hi wegħditu: ‘Ġeħova, jekk tagħtini tifel, jien nagħtih lilek, u hu jaqdik tul ħajtu kollha.’

Il-​Qassis il-​Kbir Għeli ra lil Ħanna tibki ħafna, u hu ħaseb li kienet fis-​sakra. Ħanna qaltlu: ‘Le, sidi, jien m’iniex fis-​sakra. Jien għandi sitwazzjoni diffiċli, u qed niftaħ qalbi maʼ Ġeħova.’ Għeli rrealizza li żbalja u qalilha: ‘Jalla Alla jagħtik dak li tixtieq.’ Ħanna ħassitha aħjar u telqet. Inqas minn sena wara, hi kellha tifel u semmietu Samwel. Tistaʼ timmaġina kemm kienet ferħana Ħanna?

Ħanna qatt ma nsiet il-​wegħda li kienet għamlet maʼ Ġeħova. Hekk kif ma baqgħetx treddaʼ lil Samwel, Ħanna ħaditu biex jibda jaqdi fit-​tabernaklu. Hi qalet lil Għeli: ‘Dan hu t-​tifel li kont tlabt biex ikolli. Jien se nagħtih lil Ġeħova biex jaqdi Lilu l-​jiem kollha taʼ ħajtu.’ Kull sena, Elkana u Ħanna kienu jmorru jaraw lil Samwel u jiħdulu libsa ġdida bla kmiem. Ġeħova ta lil Ħanna tliet subien oħra u żewġt ibniet.

“Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu.”—Mattew 7:7