Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 37

Ġeħova jkellem lil Samwel

Ġeħova jkellem lil Samwel

Il-​Qassis il-​Kbir Għeli kellu żewġt itfal subien li kienu jaqdu bħala qassisin fit-​tabernaklu. Dawn kien jisimhom Ħofni u Fineħas. Huma ma kinux qed jobdu l-​liġijiet taʼ Ġeħova, u lin-​nies kienu jittrattawhom ħażin ħafna. Meta l-​Iżraelin kienu jġibu s-​sagrifiċċji tagħhom quddiem Ġeħova, Ħofni u Fineħas kienu jieħdu l-​aħjar laħam għalihom stess. Għeli kien semaʼ dwar x’kienu qed jagħmlu wliedu, imma hu m’għamel xejn. Kien Ġeħova se jħalli dan jibqaʼ għaddej?

Għalkemm Samwel kien ħafna iżgħar minn Ħofni u Fineħas, hu m’għamilx bħalhom. Ġeħova kien ferħan b’Samwel. Darba waħda billejl, waqt li kien rieqed, Samwel semaʼ lil xi ħadd jgħajjatlu. Hu qam, u mar jiġri ħdejn Għeli, u qallu: ‘Hawn jien!’ Imma Għeli wieġbu: ‘Jien m’għajjatlekx. Erġaʼ mur orqod.’ Samwel reġaʼ mar fis-​sodda. Imbagħad, reġgħet ġrat l-​istess ħaġa. Mat-​tielet darba, Għeli induna li kien Ġeħova li qed jgħajjatlu. Hu qal lil Samwel li jekk jerġaʼ jismaʼ hekk, hu għandu jgħid: ‘Tkellem, Ġeħova. Il-​qaddej tiegħek qed jisimgħek.’

Samwel mar lura fis-​sodda. Imbagħad reġaʼ semaʼ: ‘Samwel! Samwel!’ Hu wieġeb: ‘Tkellem, għax il-​qaddej tiegħek qed jismaʼ.’ Ġeħova qallu: ‘Għid lil Għeli li se nikkastiga lilu u lill-​familja tiegħu. Hu jaf li t-​tfal tiegħu qed jagħmlu affarijiet ħżiena fit-​tabernaklu imma xorta ma qed jagħmel xejn dwar dan.’ L-​għada filgħodu, Samwel fetaħ il-​bibien tat-​tabernaklu bħas-​soltu. Hu kien qed jibżaʼ jgħid lill-​qassis il-​kbir dak li kien qallu Ġeħova. Imma Għeli bagħat għalih u staqsieh: ‘Ibni, Ġeħova x’qallek? Għidli kollox.’ Allura, Samwel qallu kollox.

Waqt li Samwel kien qed jikber, Ġeħova kompla jieħu ħsiebu. L-​Iżraelin kollha f’dak il-​pajjiż kienu jafu li Ġeħova kien għażel lil Samwel biex ikun profeta u mħallef.

“Ftakar fil-​Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem żgħożitek.”—Ekkleżjasti 12:1