Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 44

Tempju għal Ġeħova

Tempju għal Ġeħova

Wara li Salamun sar sultan taʼ Iżrael, Ġeħova staqsieh: ‘Xi tridni nagħtik?’ Salamun qallu: ‘Jien għadni żgħir, u ma nafx xi rrid nagħmel. Jekk jogħġbok, agħtini l-​għerf biex nieħu ħsieb in-​nies tiegħek.’ Ġeħova qallu: ‘Talli tlabtni biex tkun għaref, jien nagħmlek l-​iktar bniedem għaref fuq l-​art. Nagħmlek ukoll sinjur ħafna. U jekk tobdini, ikollok ħajja twila.’

Salamun beda jibni t-​tempju. Hu uża l-​aqwa deheb, fidda, injam, u ħaġar prezzjuż. Eluf taʼ rġiel u nisa tas-​sengħa ħadmu fit-​tempju. Wara sebaʼ snin, it-​tempju kien lest biex jiġi ddedikat lil Ġeħova. Kien fih artal, u fuqu kien hemm l-​offerti. Salamun niżel għarkopptejh quddiem l-​artal u talab: ‘O Ġeħova, dan it-​tempju mhux kbir jew sabiħ biżżejjed għalik, imma jekk jogħġbok aċċetta l-​qima tagħna u ismaʼ t-​talb tagħna.’ Ġeħova kif ħassu dwar it-​tempju u t-​talba taʼ Salamun? Eżatt malli Salamun spiċċa t-​talba tiegħu, Ġeħova bagħat nar mis-​sema u ħaraq l-​offerti li kien hemm fuq l-​artal. B’dan il-​mod, Ġeħova wera li aċċetta t-​tempju. Meta l-​Iżraelin raw dan, t’għidx kemm ferħu!

Is-​Sultan Salamun kien magħruf għall-​għerf tiegħu maʼ Iżrael kollu u wkoll man-​nies taʼ pajjiżi oħra li kienu ’l bogħod. In-​nies kienu jmorru għand Salamun biex jgħinhom fil-​problemi tagħhom. Anka s-​sultana taʼ Xeba ġiet biex tittestjah b’mistoqsijiet diffiċli. Meta semgħet dak li qalilha, hi qaltlu: ‘Jien m’emmintx il-​kliem li n-​nies qaluli dwarek, imma issa qed nara li l-​għerf tiegħek huwa ħafna iktar milli qalu. Ġeħova, Alla tiegħek, bierkek.’ L-​Iżraelin kienu qed jgħixu ħajja kuntenta. Imma l-​affarijiet dalwaqt kienu se jinbidlu.

“Ara, xi ħadd akbar minn Salamun qiegħed hawn.”—Mattew 12:42