Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 48

Tifel taʼ armla jiġi mqajjem mill-mewt

Tifel taʼ armla jiġi mqajjem mill-mewt

Fiż-​żmien meta ma kinitx qed tagħmel xita, Ġeħova qal lil Elija: ‘Mur Sarefat. Hemm se ssib armla li se tagħtik x’tiekol.’ Ħdejn il-​bieb tal-​belt, Elija ra armla fqira tiġbor iz-​zkuk. Hu talabha biex tagħtih tazza ilma. Waqt li kienet sejra biex iġġibhielu, hu għajtilha u qalilha: ‘Jekk jogħġbok, ġibli biċċa ħobż ukoll.’ Imma l-​armla wiġbitu: ‘M’għandix ħobż għalik. Baqagħli biss ftit dqiq u żejt biex nagħmel xi ħaġa żgħira tal-​ikel għalija u għat-​tifel.’ Elija qalilha: ‘Ġeħova wiegħed li jekk tagħmilli ftit ħobż, id-​dqiq u ż-​żejt tiegħek qatt ma se jispiċċawlek sakemm terġaʼ tibda tagħmel ix-​xita.’

Għalhekk, l-​armla marret id-​dar u għamlet ħobża għall-​profeta taʼ Ġeħova. Bħalma kien wiegħed Ġeħova, l-​armla u t-​tifel dejjem kellhom x’jieklu fiż-​żmien meta ma kinitx qed tagħmel xita. Il-​ġarar tagħha tad-​dqiq u ż-​żejt baqgħu mimlijin.

Imbagħad ġrat xi ħaġa vera tad-​dwejjaq. It-​tifel tal-​armla marad ħafna u miet. Bil-​biki, hi talbet lil Elija biex jgħinha. Elija ħa t-​tifel minn idejha u telaʼ bih fil-​kamra taʼ fuq tad-​dar. Hu poġġieh fuq is-​sodda u talab lil Ġeħova: ‘Jekk jogħġbok, agħti l-​ħajja lura lit-​tifel.’ Li Ġeħova jagħmel hekk, għala kienet se tkun xi ħaġa tal-​għaġeb? Għax sa fejn nafu aħna, ħadd qatt ma kien ġie mqajjem mill-​mewt qabel. Barra minn hekk, din l-​armla u t-​tifel tagħha ma kinux Iżraelin.

Imma t-​tifel ġie mqajjem mill-​mewt, u beda jieħu n-​nifs! Elija qal lill-​armla: ‘Ara! It-​tifel tiegħek ħaj.’ Hi kienet ferħana se ttir, u lil Elija qaltlu: ‘Int vera profeta t’Alla għax int tgħid biss dak li Ġeħova jgħidlek biex tgħid.’

“Osservaw bir-​reqqa l-​għasafar tas-​sema, għax huma la jiżirgħu, la jaħsdu, u lanqas jiġbru fl-​imħażen; imma Missierkom tas-​sema xorta waħda jitmagħhom. Ma tiswewx intom iktar minnhom?”—Mattew 6:26