Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 49

Sultana kattiva tiġi kkastigata

Sultana kattiva tiġi kkastigata

Mit-​tieqa tal-​palazz tiegħu ġewwa Ġeżragħel, is-​Sultan Aħab setaʼ jara għalqa bid-​dwieli tal-​għeneb li kienet taʼ raġel jismu Nabot. Aħab riedha din l-​għalqa, u għalhekk ipprova jixtriha mingħand Nabot. Imma Nabot ma riedx ibigħhielu, għax kienet kontra l-​Liġi taʼ Ġeħova li tinbiegħ art li tkun tħalliet b’wirt. Irrispettah Aħab lil Nabot talli għamel dak li hu sew? Le. Aħab irrabja ħafna. Tant kien imdejjaq li lanqas biss ħareġ mill-​kamra tiegħu, u ma riedx jiekol.

Il-​mara taʼ Aħab, is-​sultana kattiva Ġeżabel, qaltlu: ‘Inti s-​sultan taʼ Iżrael. Tistaʼ tieħu dak kollu li tixtieq. Jien stess se nara li jkollok din l-​għalqa.’ Hi kitbet ittri lill-​irġiel tal-​belt li kellhom l-​awtorità, u qaltilhom biex jakkużaw lil Nabot li hu kien seħet lil Alla u li għandhom joqtluh billi jitfgħulu l-​ġebel. Dawn għamlu dak li kienet ikkmandathom Ġeżabel, u mbagħad Ġeżabel qalet lil Aħab: ‘Nabot issa mejjet. L-​għalqa bid-​dwieli tal-​għeneb hi tiegħek.’

Nabot ma kienx l-​unika persuna li Ġeżabel qatlet għal xejn b’xejn. Hi qatlet ħafna nies li kienu jħobbu lil Ġeħova. Ġeżabel kienet tqim lill-​idoli u għamlet affarijiet ħżiena oħra. Ġeħova ra l-​affarijiet ħżiena kollha li għamlet Ġeżabel. Hu x’kien se jagħmel?

Wara li miet Aħab, it-​tifel tiegħu Ġeħoram sar sultan. Ġeħova bagħat raġel li kien jismu Ġeħu biex jikkastiga lil Ġeżabel u l-​familja tagħha.

Ġeħu rikeb il-​karru tiegħu u mar Ġeżragħel, fejn kienet toqgħod Ġeżabel. Ġeħoram qabad il-​karru tiegħu u mar jiltaqaʼ maʼ Ġeħu, u staqsieh: ‘Hemm paċi bejnietna?’ Ġeħu qal: ‘Qatt ma jistaʼ jkun hemm paċi sakemm ommok, Ġeżabel, tibqaʼ tagħmel affarijiet ħżiena.’ Ġeħoram ipprova jdawwar il-​karru tiegħu biex jaħrab, imma Ġeħu sparalu vleġġa, u qatlu.

Imbagħad Ġeħu telaq lejn il-​palazz taʼ Ġeżabel. Meta semgħet li kien ġej, hi għamlet il-​makeup u rranġat xagħarha u qagħdet tistennieh ħdejn it-​tieqa taʼ fuq. Meta wasal Ġeħu, hi ma laqgħetux b’mod tajjeb. Ġeħu għajjat lill-​qaddejja tagħha li kienu qegħdin ħdejha, u qalilhom: “Itfgħuha għal isfel!” Huma imbottaw lil Ġeżabel minn ġot-​tieqa, u din waqgħet u mietet.

Wara li ġara dan, Ġeħu qatel lis-​70 tifel taʼ Aħab u naddaf l-​art mill-​qima taʼ Bagħal. Qed tara kif Ġeħova jaf kollox, u fil-​ħin u fil-​waqt hu jikkastiga lil dawk li jagħmlu affarijiet ħżiena?

‘M’għandekx tixxennaq b’egoiżmu għal dar għajrek, għar-​rabaʼ tiegħu jew għal kwalunkwe ħaġa li hi t’għajrek.’—Dewteronomju 5:21