Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 55

Anġlu taʼ Ġeħova jipproteġi lil Ħeżekija

Anġlu taʼ Ġeħova jipproteġi lil Ħeżekija

L-​Assirjani kienu ħadu taħt idejhom is-​saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet. Issa Sennakerib, is-​sultan tal-​Assirja, ried jieħu wkoll taħt idejh is-​saltna b’żewġ tribujiet taʼ Ġuda. Hu beda jirbaħ il-​bliet taʼ Ġuda, waħda wara l-​oħra. Imma għalih, l-​iktar importanti kien li jirbaħ il-​belt taʼ Ġerusalemm. Iżda Sennakerib ma kienx jaf li Ġeħova kien qed jipproteġi lil Ġerusalemm.

Ħeżekija, is-​sultan taʼ Ġuda, ta lil Sennakerib ħafna flus biex ma jattakkax lil Ġerusalemm. Għalkemm Sennakerib ħa l-​flus, hu xorta bagħat l-​armata b’saħħitha tiegħu biex tattakka lil Ġerusalemm. In-​nies tal-​belt bdew jibżgħu għax l-​Assirjani bdew jersqu iktar u iktar qrib tagħhom. Imbagħad Ħeżekija qalilhom: ‘Tibżgħux. Vera li l-​Assirjani huma b’saħħithom, imma Ġeħova se jagħmilna ħafna iktar b’saħħitna minnhom.’

Sennakerib bagħat f’Ġerusalemm lill-​messaġġier tiegħu, imsejjaħ ir-​Rabsake, biex iwaqqaʼ għaċ-​ċajt lin-​nies. Ir-​Rabsake qagħad barra l-​belt u għajjat: ‘Ġeħova ma jistax jgħinkom. Tħallux lil Ħeżekija jqarraq bikom. M’hemm l-​ebda alla li jistaʼ jipproteġikom minna.’

Ħeżekija staqsa lil Ġeħova x’għandu jagħmel. Ġeħova wieġbu: ‘Tibżax minn dak li qal ir-​Rabsake. Sennakerib mhux ħa jirbaħ lil Ġerusalemm.’ Imbagħad, Ħeżekija rċieva xi ittri mingħand Sennakerib. Fl-​ittri kien hemm miktub hekk: ‘Aqbad u ċedi. Ġeħova ma jistax isalvakom.’ Ħeżekija talab: ‘Jekk jogħġbok, Ġeħova, salvana biex b’hekk kulħadd ikun jaf li int l-​uniku Alla veru.’ Ġeħova qallu: ‘Is-​sultan tal-​Assirja mhux se jidħol f’Ġerusalemm. Jien se nipproteġi l-​belt tiegħi.’

Sennakerib kien ċert li Ġerusalemm dalwaqt kienet se tkun tiegħu. Imma dak il-​lejl stess, Ġeħova bagħat anġlu fejn kienu kkampjati s-​suldati barra l-​belt. L-​anġlu qatel 185,000 suldat! Is-​Sultan Sennakerib tilef l-​iktar suldati b’saħħithom li kellu. Hu ma kellux għażla oħra ħlief li jaċċetta t-​telfa u jmur lura pajjiżu. Ġeħova pproteġa lil Ħeżekija u lil Ġerusalemm, bħalma kien wiegħed. Kieku kont f’Ġerusalemm, kont int se tafda f’Ġeħova?

‘L-​anġlu taʼ Ġeħova qed jikkampja madwar dawk li jibżgħu Minnu, u hu jeħlishom.’—Salm 34:7