Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 57

Ġeħova jibgħat lil Ġeremija jipprietka

Ġeħova jibgħat lil Ġeremija jipprietka

Ġeħova għażel lil Ġeremija biex ikun profeta għan-​nies taʼ Ġuda. Hu qallu biex jippritkalhom u javżahom ħalli ma jibqgħux jagħmlu affarijiet ħżiena. Ġeremija ma ħassux kapaċi, u qallu: ‘Imma, Ġeħova, jien m’iniex ħlief naqra taʼ tifel. Ma nafx nitkellem.’ Ġeħova wieġbu: ‘Tibżax. Jien se ngħinek u ngħidlek x’għandek tgħid.’

Ġeħova qal lil Ġeremija biex jiġbor flimkien lill-​irġiel tal-​belt li kellhom l-​awtorità, ikisser ġarra tal-​fuħħar quddiemhom, u jgħid: ‘Ġerusalemm hekk se tiġi meqruda.’ Meta Ġeremija għamel dak li qallu Ġeħova, dawn l-​irġiel irrabjaw ħafna. Qassis li jismu Pasħur sawwat lil Ġeremija u rabtulu jdejh u saqajh fl-​injam. Minħabba f’hekk, Ġeremija ma setax jiċċaqlaq il-​lejl kollu. Imma l-​għada filgħodu, Pasħur ħelsu. Ġeremija qal: ‘Ma niflaħx iżjed. Mhux se nkompli nipprietka.’ Imma hu vera waqaf? Le. Meta Ġeremija beda jaħseb dwar dan, hu qal: ‘Il-​messaġġ taʼ Ġeħova hu bħal nar jaqbad ġewwa fija. Ma nistax nieqaf nipprietka.’ Għalhekk, Ġeremija baqaʼ javża lin-​nies.

Għaddew is-​snin, u kien hemm sultan ġdid f’​Ġuda. Il-​qassisin u l-​profeti foloz kienu jobogħduh il-​messaġġ taʼ Ġeremija. Huma qalu lill-​prinċpijiet: ‘Dan ir-​raġel ħaqqu l-​mewt.’ Ġeremija qalilhom: ‘Jekk toqtluni tkunu qed toqtlu raġel li m’għamel xejn ħażin. Jien, il-​kliem taʼ Ġeħova qed ngħid u mhux tiegħi.’ Meta l-​prinċpijiet semgħu dan, qalu: ‘Dan ir-​raġel ma ħaqqux il-​mewt.’

Ġeremija baqaʼ jipprietka, u għalhekk il-​prinċpijiet bdew jirrabjaw ħafna. Huma staqsew lis-​sultan biex Ġeremija jiġi maqtul. Is-​sultan qalilhom biex jiħduh f’idejhom u jagħmlu li jridu bih. Huma ħadu lil Ġeremija u tefgħuh ġo bir fond mimli tajn, bit-​tama li jmut hemm. Hu beda jegħreq fit-​tajn.

Imbagħad uffiċjal tal-​palazz jismu Għebed-​melek qal lis-​sultan: ‘Il-​prinċpijiet tefgħu lil Ġeremija ġo bir! Jekk inħalluh hemm, hu jmut.’ Is-​sultan ikkmanda lil Għebed-​melek biex jieħu 30 raġel miegħu u joħorġu lil Ġeremija mill-​bir. M’għandniex aħna wkoll inkunu bħal Ġeremija, li ma ħalla xejn iwaqqfu milli jipprietka?

“Intom tkunu mibgħudin minn kulħadd minħabba ismi; imma min jissaporti sat-​tmiem jiġi salvat.”—Mattew 10:22