Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 58

Ġerusalemm tiġi meqruda

Ġerusalemm tiġi meqruda

Għal darba wara l-​oħra, in-​nies taʼ Ġuda telqu lil Ġeħova u qiemu allat foloz. Għal ħafna snin, Ġeħova baqaʼ jipprova jgħinhom. Hu bagħtilhom ħafna profeti biex javżahom, imma huma ma semgħux. Minflok, kienu jwaqqgħuhom għaċ-​ċajt. Ġeħova kif ġab fit-​tmiem il-​qima falza tagħhom?

Is-​sultan taʼ Babilonja, Nebukadnessar, kien qed jirbaħ art wara oħra. L-​ewwel darba li rebaħ lil Ġerusalemm, hu qabad lis-​Sultan Ġeħojakin, il-​prinċpijiet, il-​gwerriera, u l-​irġiel tas-​sengħa, u ħadhom kollha lejn Babilonja. Hu ħa wkoll it-​teżori kollha li kien hemm fit-​tempju taʼ Ġeħova. Imbagħad Nebukadnessar għamel lil Sedekija sultan taʼ Ġuda.

Għall-​ewwel, Sedekija kien jobdih lil Nebukadnessar. Imma mbagħad, il-​popli tal-​madwar u l-​profeti foloz ħeġġew lil Sedekija biex jiħodha kontra Babilonja. Imma Ġeremija avżah: ‘Jekk tiħodha kontra Nebukadnessar, f’​Ġuda jkun hawn ħafna qtil, ġuħ, u mard.’

Wara li kien ilu tmien snin imexxi, Sedekija ddeċieda li jiħodha kontra Babilonja. Hu talab lill-​armata Eġizzjana biex tgħinu. Imbagħad Nebukadnessar bagħat l-​armata tiegħu biex tattakka lil Ġerusalemm, u huma kkampjaw madwar il-​belt. Ġeremija qal lil Sedekija: ‘Ġeħova qal li jekk int iċċedi, kemm int u kemm il-​belt ma jiġrilkom xejn. Imma jekk ma tagħmilx hekk, il-​Babiloniżi jaħarqu lil Ġerusalemm u int tispiċċa priġunier.’ Sedekija qallu: ‘M’iniex se nċedi!’

Sena u nofs wara, is-​suldati Babiloniżi kissru s-​swar taʼ Ġerusalemm, u lill-​belt tawha n-​nar. Huma ħarqu t-​tempju, qatlu ħafna nies, u eluf ħaduhom priġunieri.

Sedekija ħarab minn Ġerusalemm, imma l-​Babiloniżi ġrew warajh. Huma qabduh ħdejn Ġeriko u ġabuh quddiem Nebukadnessar. Is-​sultan taʼ Babilonja ġiegħel lil Sedekija jara lil uliedu s-​subien jinqatlu quddiemu. Imbagħad Nebukadnessar għema lil Sedekija u tefgħu fil-​ħabs, fejn iktar tard hu miet. Imma Ġeħova wiegħed lill-​poplu taʼ Ġuda: ‘Wara 70 sena jien se nġibkom lura f’pajjiżkom, Ġerusalemm.’

X’kien se jiġri miż-​żgħażagħ li kienu ttieħdu bħala priġunieri f’Babilonja? Kienu huma se jibqgħu leali lejn Ġeħova?

“Alla Ġeħova, li Tistaʼ Kollox, veri u ġusti huma d-​deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek.”—Rivelazzjoni 16:7