Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 63

Il-kliem miktub fuq il-ħajt

Il-kliem miktub fuq il-ħajt

Maż-​żmien, Belsassar sar is-​sultan taʼ Babilonja. Lejl wieħed, hu stieden elf mill-​iktar nies importanti tal-​pajjiż għal festa. Hu ordna lill-​qaddejja tiegħu biex iġibulu t-​tazzi tad-​deheb li Nebukadnessar kien ħa mit-​tempju taʼ Ġeħova. Belsassar u l-​mistidnin tiegħu xorbu mit-​tazzi u faħħru lill-​allat tagħhom. F’daqqa waħda, dehret id taʼ raġel fis-​sala tal-​ikel u bdiet tikteb kliem fuq il-​ħajt li ma setgħux jifhmuh.

Belsassar beżaʼ ħafna. Hu sejjaħ lil dawk li jipprattikaw il-​maġija u wegħedhom: ‘Jekk xi ħadd ifissirli dan il-​kliem, jien nagħmlu t-​tielet l-​iktar raġel importanti f’Babilonja.’ Huma pprovaw, imma ħadd minnhom ma setaʼ jgħidlu xi jfisser. Imbagħad daħlet is-​sultana, u lis-​sultan qaltlu: ‘Hemm raġel li jismu Danjel li kien jispjega l-​affarijiet lil Nebukadnessar. Hu jistaʼ jispjegalek dan il-​kliem.’

Danjel daħal quddiem is-​sultan. Belsassar qallu: ‘Jekk jirnexxilek taqra u tispjega dan il-​kliem, jien nagħtik ġiżirana tad-​deheb u nagħmlek it-​tielet l-​iktar raġel importanti f’Babilonja.’ Imbagħad Danjel qal: ‘Jien ma rridx rigali, imma xorta ħa ngħidlek xi jfisser dan il-​kliem. Missierek, Nebukadnessar, kien kburi u Ġeħova umiljah. Inti taf xi ġralu, imma xorta ma wrejtx rispett lejn Ġeħova għax xrobt l-​inbid minn ġot-​tazzi tad-​deheb tat-​tempju Tiegħu. Allura Alla kiteb dan il-​kliem: Mene, Mene, Tekel, u Parsin. Dan il-​kliem ifisser li l-​Medin u l-​Persjani ħa jieħdu taħt idejhom lil Babilonja u int ma tibqax sultan.’

Kien jidher bħallikieku ħadd ma setaʼ jirbaħ lil Babilonja. Din il-​belt kienet protetta bi swar wesgħin u xmara fonda. Imma dak il-​lejl stess, il-​Medin u l-​Persjani attakkaw. Is-​sultan Persjan, Ċiru, biddel id-​direzzjoni tal-​ilma tax-​xmara biex is-​suldati jkunu jistgħu jgħaddu sal-​bibien tal-​belt. Xħin waslu, il-​bibien tal-​belt sabuhom miftuħin! Is-​suldati daħlu jattakkaw, ħadu l-​belt taħt idejhom, u qatlu lis-​Sultan Belsassar. Imbagħad Ċiru sar il-​mexxej taʼ Babilonja.

Matul l-​ewwel sena tiegħu, Ċiru qal lill-​poplu: ‘Ġeħova qalli biex nerġaʼ nibni t-​tempju f’Ġerusalemm. Kull min hemm fostkom mill-​poplu Tiegħu li jixtieq jgħin fil-​bini, jistaʼ jmur.’ Mela eżatt bħalma Ġeħova kien wiegħed, ħafna mil-​Lhud marru lura lejn darhom 70 sena wara li Ġerusalemm kienet ġiet meqruda. Ċiru bagħat lura t-​tazzi tad-​deheb u l-​fidda, u l-​affarijiet l-​oħra kollha li Nebukadnessar kien ħa minn ġot-​tempju. Tistaʼ tara kif Ġeħova uża lil Ċiru biex jgħin lin-​nies Tiegħu?

“Waqgħet! Waqgħet Babilonja l-​Kbira, u saret post fejn jgħammru d-​demonji.”—Rivelazzjoni 18:2