Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 65

Ester issalva lill-poplu tagħha

Ester issalva lill-poplu tagħha

Ester kienet tfajla Lhudija li kienet tgħix fil-​belt Persjana taʼ Susan. Ħafna snin qabel, is-​Sultan Nebukadnessar kien ħa lill-​familja tagħha minn Ġerusalemm. Ester trabbiet mill-​kuġin tagħha Mordekaj, li kien qaddej tas-​Sultan Aħasweru tal-​Persja.

Is-​Sultan Aħasweru ried sultana oħra. Il-​qaddejja tiegħu ġabulu l-​isbaħ nisa li kien hemm fil-​pajjiż, u waħda minnhom kienet Ester. Minn fost dawk in-​nisa kollha, is-​sultan għażel lilha biex tkun is-​sultana tiegħu. Mordekaj qal lil Ester biex ma tgħid xejn dwar li hi Lhudija.

Raġel kburi li kien jismu Ħaman kien il-​kap tal-​prinċpijiet kollha. Hu ried li kulħadd imil quddiemu. Imma Mordekaj irrifjuta li jagħmel hekk, u Ħaman tant irrabja li ried joqtlu. Meta Ħaman sar jaf li Mordekaj kien Lhudi, hu għamel pjan biex joqtol lil-​Lhud kollha li kien hemm fil-​pajjiż. Hu qal lis-​sultan: ‘Il-​Lhud huma perikolużi; hemm bżonn li teħles minnhom.’ Aħasweru qallu: ‘Agħmel dak li hemm bżonn,’ u tah id-​dritt li jagħmel liġi. Ħaman ħareġ liġi biex in-​nies joqtlu lil-​Lhud kollha fit-​13-​il jum tax-​xahar t’Adar. Ġeħova kien qed jara kollox.

Ester ma kinitx taf b’din il-​liġi. Għalhekk, Mordekaj bagħtilha kopja tal-​liġi u qalilha: ‘Mur u kellem lis-​sultan.’ Ester wiġbitu: ‘Kull min jidħol quddiem is-​sultan mingħajr ma jkun mistieden jiġi maqtul. Jien ilni 30 ġurnata ma niġi mistiedna mis-​sultan! Imma xorta ħa mmur. Jekk imejjel ix-​xettru lejja, jien nibqaʼ ħajja. Jekk le, niġi maqtula.’ (Xettru hu bastun li jkollu f’idu sultan biex juri li għandu l-​qawwa).

Ester marret fil-​bitħa tas-​sultan. Meta s-​sultan raha, hu mejjel ix-​xettru tiegħu lejha. Hi resqet lejh, u hu staqsieha: ‘X’tixtieq li nagħmel għalik, Ester?’ Hi wiġbitu: ‘Jien irrid nistieden lilek u lil Ħaman għal ikla.’ F’din l-​ikla, Ester reġgħet stidnithom għal ikla oħra. Matul it-​tieni ikla, is-​sultan reġaʼ staqsieha: ‘Għidli, x’tixtieq li nagħmel għalik?’ Hi qaltlu: ‘Xi ħadd se joqtol lili u lill-​poplu tiegħi. Jekk jogħġbok, salvana.’ Is-​sultan wiġibha: ‘Min hu dan?’ Hi qaltlu: ‘Dan ir-​raġel ħażin Ħaman.’ Aħasweru tant irrabja li kkmanda biex Ħaman jinqatel dak il-​ħin stess.

Imma ħadd ma setaʼ jbiddel il-​liġi taʼ Ħaman, lanqas is-​sultan stess. Allura, is-​sultan għamel lil Mordekaj kap tal-​prinċpijiet u tah l-​awtorità biex jagħmel liġi ġdida. Mordekaj ħareġ liġi li biha l-​Lhud setgħu jipproteġu lilhom infushom billi jattakkaw lill-​għedewwa tagħhom. Fit-​13-​il jum tax-​xahar t’Adar, il-​Lhud rebħu lill-​għedewwa tagħhom. Minn dakinhar ’il quddiem, huma ċċelebraw din ir-​rebħa kull sena.

“Iressqukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tingħata xiehda lilhom u lill-​ġnus.”—Mattew 10:18