Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 66

Esdra għallem il-Liġi t’Alla

Esdra għallem il-Liġi t’Alla

Għaddew madwar 70 sena minn mindu ħafna mill-​Iżraelin kienu marru lura Ġerusalemm, imma kien għad hemm xi Iżraelin li baqgħu jgħixu f’partijiet differenti tal-​Imperu Persjan. Fosthom kien hemm qassis jismu Esdra, li kien jgħallem il-​Liġi taʼ Ġeħova. Esdra sar jaf li n-​nies f’Ġerusalemm ma kinux qed jimxu mal-​Liġi, u hu ried imur jgħinhom. Is-​Sultan Artaserse tal-​Persja qallu: ‘Alla tak l-​għerf biex int tkun tistaʼ tgħallem il-​Liġi tiegħu. Mur, u ħu lil dawk li jridu jiġu miegħek.’ Esdra ltaqaʼ maʼ dawk kollha li riedu jmorru lura lejn Ġerusalemm. Dawn talbu lil Ġeħova biex jieħu ħsiebhom matul il-​vjaġġ twil tagħhom, u mbagħad telqu.

Ħadu erbaʼ xhur biex waslu Ġerusalemm. Il-​prinċpijiet t’hemmhekk qalu lil Esdra: ‘L-​Iżraelin m’obdewx lil Ġeħova u żżewġu nisa li jqimu allat foloz.’ Esdra x’għamel? Niżel għarkopptejh quddiem in-​nies u talab: ‘Ġeħova, int għamilt ħafna għalina, imma aħna ħadnieha kontrik.’ In-​nies iddispjaċiehom, imma xorta kellhom bżonn l-​għajnuna biex jagħmlu dak li hu sew. Esdra għażel irġiel t’awtorità u mħallfin biex jieħdu deċiżjonijiet. Matul it-​tliet xhur taʼ wara, dawk li ma kinux iqimu lil Ġeħova kellhom jiġu mkeċċijin.

Għaddew tnax-​il sena. Sadattant, is-​swar taʼ Ġerusalemm reġgħu nbnew. Għalhekk, Esdra laqqaʼ n-​nies fil-​pjazza biex jaqralhom il-​Liġi t’Alla. Meta Esdra fetaħ il-​ktieb, in-​nies qamu bilwieqfa. Hu faħħar lil Ġeħova, u huma għollew idejhom ’il fuq biex juru li qed jaqblu. Imbagħad Esdra qara u spjega l-​Liġi, u n-​nies semgħu b’attenzjoni kbira. Huma ammettew li kienu reġgħu tbiegħdu minn Ġeħova, u għalhekk bkew. L-​għada, Esdra qralhom iktar mil-​Liġi. Huma fehmu li dalwaqt kellhom jiċċelebraw il-​Festa tal-​Għerejjex. Għalhekk, mill-​ewwel bdew jippreparaw.

Matul is-​sebat ijiem tal-​Festa tal-​Għerejjex, in-​nies ferħu u rringrazzjaw lil Ġeħova għall-​ħxejjex li kienu ġabru mill-​għelieqi tagħhom. Minn żmien Ġożwè s’issa ma kienx hemm Festa tal-​Għerejjex bħal din. Wara l-​festa, in-​nies iltaqgħu flimkien u talbu: ‘Ġeħova, int salvajtna u ma ħallejtniex nibqgħu lsiera, tajtna l-​ikel fid-​deżert u din l-​art sabiħa. Imma għal darba wara l-​oħra, aħna m’obdejniekx. Int bgħatt profeti biex iwissuna, imma ma smajniex minnhom. Iżda int xorta kont paċenzjuż magħna u żammejt il-​wegħda tiegħek li għamilt lil Abraham. Issa, aħna nwegħduk li se nobduk.’ Huma niżżlu bil-​miktub din il-​wegħda, u l-​prinċpijiet, il-​Leviti, u l-​qassisin għamlu s-​siġill fuqha.

“Henjin dawk li jisimgħu l-​kelma t’Alla u jħarsuha!”—Luqa 11:28