Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 68

Eliżabetta jkollha tarbija

Eliżabetta jkollha tarbija

Wara 400 sena li s-​swar taʼ Ġerusalemm reġgħu nbnew, kien hemm qassis jismu Żakkarija u martu, Eliżabetta, li kienu jgħixu ħdejn il-​belt. Huma kienu ilhom ħafna snin miżżewġin imma ma kellhomx tfal. Darba waħda, xħin Żakkarija kien qed joffri l-​inċens fil-​parti tat-​tempju msejħa l-​Qaddis, deherlu l-​anġlu Gabrijel. Żakkarija beżaʼ ħafna, imma Gabrijel qallu: ‘Tibżax. Jien ġibtlek aħbar tajba mingħand Ġeħova. Il-​mara tiegħek, Eliżabetta, se jkollha tifel u int trid issemmih Ġwanni. Ġeħova għażel lil Ġwanni biex jagħmel xogħol speċjali.’ Żakkarija qallu: ‘Kif nistaʼ nemmnek? Jien u l-​mara tiegħi issa xjaħna wisq biex ikollna tarbija.’ Gabrijel qallu: ‘Jien intbgħatt minn Alla biex nagħtik din l-​aħbar. Imma peress li mhux temminni, int mhux se tkun tistaʼ titkellem sa wara li titwieled it-​tarbija.’

Żakkarija dam hemm ġew iktar mis-​soltu. Xħin fl-​aħħar ħareġ, in-​nies li kienu qed jistennew barra riedu jkunu jafu x’ġara. Żakkarija ma setax jitkellem, imma setaʼ jagħmel biss sinjali b’idejh. Għalhekk, in-​nies indunaw li Żakkarija kien irċieva messaġġ mingħand Alla.

Xi żmien wara, Eliżabetta ħarġet tqila u kellha tifel, eżatt bħalma kien qal l-​anġlu. Il-​ħbieb u l-​qraba tagħha ġew biex jaraw it-​tarbija. Huma kienu ferħanin ħafna għaliha. Eliżabetta qalet: ‘Ġwanni se jkun ismu.’ Huma qalulha: ‘Imma m’hemm ħadd fil-​familja li jismu Ġwanni. Semmih Żakkarija, għal missieru.’ Imma Żakkarija kiteb il-​kliem: ‘Ġwanni hu ismu.’ F’dak il-​ħin, Żakkarija reġaʼ beda jitkellem! L-​aħbar dwar it-​tarbija nxterdet madwar il-​Lhudija kollha, u n-​nies bdew jgħidu: ‘Tgħid x’se jkun dan it-​tifel la jikber?’

Imbagħad, permezz tal-​ispirtu qaddis, Żakkarija pprofetizza: ‘Ħa jkun imfaħħar Ġeħova. Hu wiegħed lil Abraham li Hu se jibgħat salvatur, il-​Messija, biex isalvana. Ġwanni se jkun profeta, u hu se jipprepara t-​triq għall-​Messija.’

Xi ħaġa speċjali ġrat ukoll lil Marija, li tiġi minn Eliżabetta. Ejja naraw dwar dan fil-​lezzjoni li jmiss.

“Għall-​bnedmin dan hu impossibbli, imma għal Alla kollox hu possibbli.”—Mattew 19:26