Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 70

Anġli jwasslu l-aħbar li twieled Ġesù

Anġli jwasslu l-aħbar li twieled Ġesù

Il-​gvernatur Ruman, Ċesari Awgustu, ordna lil-​Lhud kollha biex jerġgħu jmorru lura f’raħal twelidhom, biex jiġu rreġistrati. Allura, Ġużeppi u Marija marru Betlem, il-​post minn fejn kienet ġejja l-​familja taʼ Ġużeppi. Kien qorob iż-​żmien biex Marija jkollha t-​tarbija.

Meta waslu Betlem, l-​unika post li setgħu jsibu biex joqogħdu fih kien ġo stalla. Kien hemmhekk li Marija kellha t-​tarbija tagħha, Ġesù. Hi dawritlu ċ-​ċraret miegħu u poġġietu bil-​mod ġo maxtura li fiha kienu jpoġġu l-​ikel tal-​annimali.

Qrib Betlem, xi ragħajja kienu qed iqattgħu l-​lejl barra, jieħdu ħsieb l-​imrieħel tagħhom. F’daqqa waħda, deher anġlu quddiemhom, u kien hemm dawl qawwi madwarhom. Ir-​ragħajja bdew jibżgħu ħafna, imma l-​anġlu qal: ‘Tibżgħux. Għandi aħbar sabiħa. Illum f’Betlem twieled il-​Messija.’ Dak il-​ħin dehru ħafna anġli fis-​sema, u bdew jgħidu: ‘Glorja lil Alla fis-​smewwiet, u paċi fuq l-​art.’ Imbagħad l-​anġli sparixxew. X’għamlu r-​ragħajja?

Ir-​ragħajja qalu lil xulxin: ‘Ejja mmorru Betlem issa stess.’ Huma marru malajr u sabu lil Ġużeppi u Marija fl-​istalla mat-​tifel tagħhom li kien għadu kif twieled.

Dawk kollha li semgħu x’kien qal l-​anġlu lir-​ragħajja baqgħu mistagħġbin. Marija ħasbet ħafna dwar il-​kliem tal-​anġlu u qatt ma nsietu. Ir-​ragħajja marru lura ħdejn l-​imrieħel tagħhom, jirringrazzjaw lil Ġeħova għal dak kollu li kienu raw u semgħu.

“Mingħand Alla ġejt u qiegħed hawnhekk. Lanqas ma ġejt minn rajja, imma kien Hu li bagħatni.”—Ġwanni 8:42