LEZZJONI 71
Ġeħova pproteġa lil Ġesù
F’art li kienet tinsab fil-Lvant taʼ Iżrael, kien hemm nies li kienu jemmnu li l-istilel setgħu jgħinuhom f’ħajjithom. Darba waħda bil-lejl, xi rġiel mil-Lvant raw xi ħaġa miexja fis-sema qisha stilla tiddi, u huma mxew warajha. L-“istilla” ħadithom Ġerusalemm. L-irġiel bdew jistaqsu lin-nies: ‘Fejn hu t-tifel li se jkun is-sultan tal-Lhud? Aħna ġejna biex immilu quddiemu.’
Meta Erodi, is-sultan taʼ Ġerusalemm, semaʼ dwar sultan ġdid, beda jinkwieta ħafna. Hu staqsa lill-qassisin ewlenin: ‘Dan is-sultan fejn kellu jitwieled?’ Huma qalulu: ‘Il-profeti qalu li kellu jitwieled f’Betlem.’ Allura Erodi bagħat għall-irġiel mil-Lvant u qalilhom: ‘Morru Betlem u sibu lil dan it-tifel. Imbagħad ejjew lura u għiduli fejn qiegħed. Jien ukoll irrid immil quddiemu.’ Imma din kienet gidba.
L-“istilla” reġgħet bdiet miexja u l-irġiel reġgħu bdew jimxu warajha sakemm waslu Betlem. L-“istilla” waqfet fuq dar u l-irġiel daħlu ġewwa. Huma sabu lil Ġesù m’ommu, Marija. Mielu quddiemu u tawh rigali tad-deheb, inċens, u mirra. Veru li kien Ġeħova li bagħat lil dawn l-irġiel biex isibu lil Ġesù? Le.
Dak il-lejl, Ġeħova qal lil Ġużeppi f’ħolma: ‘Erodi jrid joqtol lil Ġesù. Ħu lill-mara tiegħek u lit-tifel u aħarbu lejn l-Eġittu. Ibqgħu hemmhekk sakemm ngħidilkom jien li m’għadx baqaʼ periklu f’Betlem.’ Mill-ewwel, Ġużeppi u l-familja tiegħu telqu lejn l-Eġittu.
Ġeħova qal lill-irġiel li kienu mil-Lvant biex ma jmorrux lura għand Erodi. Meta Erodi induna li ma kinux ġejjin, irrabja ħafna. Peress li ma setax isib lil Ġesù, hu ordna li jinqatlu t-tfal subien kollha f’Betlem li kienu daqs Ġesù. Imma Ġesù kien qiegħed l-Eġittu, ’il bogħod mill-periklu.
Maż-żmien, Erodi miet. Ġeħova qal lil Ġużeppi: ‘Issa m’għadx hemm periklu, u għalhekk tistgħu
tmorru lura.’ Ġużeppi, Marija, u Ġesù marru lura f’Iżrael, u għexu fil-belt taʼ Nazaret.“Kelmti li toħroġ minn fommi . . . żgur tirnexxi f’dak li bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:11