Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 72

Meta Ġesù kellu tnax-il sena

Meta Ġesù kellu tnax-il sena

Ġużeppi u Marija kienu joqogħdu Nazaret maʼ Ġesù u t-​tfal subien u bniet l-​oħrajn tagħhom. Ġużeppi kien jipprovdi għall-​familja billi jagħmel xogħol taʼ mastrudaxxa, u kien jgħallimhom dwar Ġeħova u l-​Liġi Tiegħu. Bħala familja kienu jmorru b’mod regulari f’post li kienu jgħidulu sinagoga biex iqimu lil Ġeħova u jitgħallmu dwaru. U kull sena kienu jmorru Ġerusalemm għall-​festa tal-​Qbiż.

Meta Ġesù kellu 12-​il sena, il-​familja tiegħu għamlu l-​vjaġġ twil lejn Ġerusalemm bħalma kienu jagħmlu s-​soltu. Il-​belt kienet mimlija nies li kienu ġew biex jiċċelebraw il-​Qbiż. Wara li spiċċat il-​festa, Ġużeppi u Marija bdew il-​vjaġġ tagħhom lura d-​dar, u ħasbu li Ġesù kien qiegħed mal-​grupp tagħhom. Imma meta bdew ifittxuh fost dawk li kienu jiġu minnhom, ma setgħux isibuh.

Huma marru lura Ġerusalemm, u damu tlett ijiem ifittxu lit-​tifel tagħhom. Fl-​aħħar, marru jfittxuh fit-​tempju. Ġesù hemm kien, bilqiegħda f’nofs l-​għalliema, jismaʼ b’attenzjoni u jistaqsi mistoqsijiet tajbin. L-​għalliema tant impressjonaw ruħhom b’Ġesù li mbagħad bdew isaqsuh il-​mistoqsijiet huma. Huma baqgħu mistagħġbin bit-​tweġibiet tiegħu. Setgħu jaraw li kien jifhem il-​Liġi taʼ Ġeħova.

Ġużeppi u Marija kienu inkwetati ħafna. Marija qaltlu: ‘Ibni, kullimkien fittixna biex insibuk! Fejn kont?’ Ġesù wieġeb: ‘Ma kontux tafu li għandi nkun hawn f’dar Missieri?’

Ġesù mar lura d-​dar f’Nazaret mal-​ġenituri tiegħu. Ġużeppi għallem lil Ġesù kif jagħmel ix-​xogħol taʼ mastrudaxxa. X’tip taʼ persuna taħseb li kien Ġesù meta kien żagħżugħ? Hekk kif kien qed jikber, Ġesù beda jitgħallem u jifhem iktar l-​Iskrittura u wkoll beda jsir iktar maħbub minn Alla u min-​nies.

“Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla tiegħi, u l-​liġi tiegħek qiegħda fil-​ġewwieni tiegħi.”—Salm 40:8