Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 78

Ġesù jipprietka l-messaġġ tas-Saltna

Ġesù jipprietka l-messaġġ tas-Saltna

Ftit wara li tgħammed, Ġesù beda jipprietka: ‘Is-​Saltna t’Alla qorbot.’ Id-​dixxipli marru warajh waqt li hu kien qed idur il-​Galilija u l-​Lhudija. Meta Ġesù mar lura fejn trabba, Nazaret, hu daħal fis-​sinagoga, fetaħ l-​iskroll taʼ Isaija, u qara b’leħen għoli: ‘Ġeħova tani l-​ispirtu qaddis biex inkun nistaʼ nipprietka l-​aħbar tajba.’ Dan x’kien ifisser? Kien ifisser li għalkemm in-​nies riedu jaraw lil Ġesù jagħmel il-​mirakli, ir-​raġuni primarja għala kien irċieva l-​ispirtu qaddis kien biex jipprietka l-​aħbar tajba. Imbagħad qal lil dawk li kienu qed jisimgħuh: ‘Illum twettqet din il-​profezija.’

Imbagħad, Ġesù mar ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija, u hemmhekk iltaqaʼ maʼ erbaʼ sajjieda. Hu stidinhom billi qalilhom: ‘Ejjew miegħi, u jien nagħmilkom sajjieda tal-​bnedmin.’ Dawn kienu Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni. Huma mill-​ewwel ħallew ix-​xogħol tas-​sajd, u saru dixxipli tiegħu. Daru l-​Galilija kollha, jippritkaw dwar is-​Saltna taʼ Ġeħova. Kienu jippritkaw fis-​sinagogi, f’postijiet fejn kien ikun hemm il-​monti, u fit-​toroq. Folla kbira kienet tmur warajhom kull fejn kienu jmorru. L-​aħbar dwar Ġesù xterdet maʼ kullimkien, anki sas-​Sirja.

Maż-​żmien, Ġesù ta lil ftit mid-​dixxipli tiegħu l-​qawwa biex ifejqu lin-​nies u jkeċċu lid-​demonji. Oħrajn marru miegħu waqt li hu kien qed jipprietka minn belt għal belt u minn raħal għal raħal. Marija l-​Maddalena, Ġwanna, Susanna, u ħafna nisa leali oħra ħadu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ Ġesù u tad-​dixxipli tiegħu.

Wara li għallem lid-​dixxipli tiegħu kif jippritkaw, Ġesù bagħathom jagħmlu dan ix-​xogħol. Hekk kif daru l-​Galilija u ppritkaw, ħafna oħrajn saru dixxipli u tgħammdu. Tant kien hemm li riedu jkunu dixxipli, li Ġesù xebbahhom m’għalqa li kienet lesta għall-​ħsad. Hu qal: ‘Itolbu lil Ġeħova biex jibgħat iktar ħaddiema għall-​ħsad.’ Imbagħad hu għażel 70 mid-​dixxipli tiegħu u bagħathom tnejn tnejn biex jippritkaw fil-​Lhudija kollha. Huma għallmu lil kull tip taʼ nies dwar is-​Saltna. Meta d-​dixxipli ġew lura, huma kienu eċċitati biex jgħidu lil Ġesù x’kien ġara. Ix-​Xitan ma setaʼ jagħmel xejn biex iwaqqaf ix-​xogħol tal-​ippritkar.

Ġesù għamel ċert li d-​dixxipli tiegħu kienu se jkomplu jagħmlu dan ix-​xogħol importanti wara li hu jmur lura fis-​sema. Hu qalilhom: ‘Ippritkaw l-​aħbar tajba mad-​dinja kollha. Għallmu lin-​nies dwar il-​Kelma t’Alla, u għammduhom.’

“Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.”—Luqa 4:43