Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 86

Ġesù jqajjem lil Lazzru mill-mewt

Ġesù jqajjem lil Lazzru mill-mewt

Ġesù kellu tlett iħbieb tal-​qalb li kienu jgħixu f’Betanja. Dawn kienu Lazzru u ż-​żewġ ħutu bniet, Marija u Marta. Darba waħda, waqt li Ġesù kien fuq in-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan, Marija u Marta bagħtu jgħidulu: ‘Lazzru jinsab marid ħafna. Jekk jogħġbok, ejja malajr!’ Ġesù ma marx mill-​ewwel imma stenna jumejn. Sadanittant, Lazzru miet. Imbagħad Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: ‘Ejja mmorru Betanja. Lazzru rieqed imma jien se mmur inqajmu.’ L-​appostli qalulu: ‘Jekk Lazzru rieqed mela aħjar għax jgħaddilu.’ Imbagħad Ġesù qalilhom b’mod ċar: ‘Lazzru miet.’

Meta Ġesù wasal Betanja, Lazzru kien diġà ilu midfun erbat ijiem. Folol taʼ nies kienu ġew biex jgħinu lil Marta u lil Marija jħossuhom aħjar. Meta Marta semgħet li Ġesù kien wasal, marret tgħaġġel biex tiltaqaʼ miegħu. Hi qaltlu: “Mulej, kieku kont hawnhekk, ħija ma kienx imut.” Ġesù qalilha: ‘Ħuk se jerġaʼ jgħix. Int temmnu dan, Marta?’ Wiġbitu: ‘Jien nemmen li se jqum fl-​irxoxt.’ Ġesù qalilha: “Jien l-​irxoxt u l-​ħajja.”

Imbagħad, Marta marret għand Marija u qaltilha: ‘Ġesù wasal.’ Marija telqet tiġri lejn Ġesù, u folla nies marret warajha. Hi niżlet mal-​art ħdejn saqajh, u ma setgħetx tieqaf tibki. Hi qaltlu: ‘Mulej, kieku kont hawn, ħuna ma kienx imut.’ Ġesù ra kemm kienet imdejqa, u anki hu beda jibki. Meta n-​nies raw id-​dmugħ taʼ Ġesù, qalu: ‘Ara kemm kien iħobbu lil Lazzru!’ Imma xi wħud bdew jgħidu: ‘Għala ħallieh imut lill-​ħabib tiegħu?’ Issa x’kien se jagħmel Ġesù?

Ġesù mar ħdejn il-​qabar, li kien magħluq b’ġebla kbira. Hu qal: ‘Neħħu l-​ġebla.’ Marta qaltlu: ‘Diġà ilu erbat ijiem! Żgur li s’issa qed jinten.’ Imma huma xorta neħħew il-​ġebla, u mbagħad Ġesù talab: ‘Missier, nirringrazzjak li smajtni. Naf li dejjem tismagħni, imma qed nitkellem b’leħen għoli ħalli n-​nies ikunu jafu li int bgħattni.’ Ġesù għajjat b’leħen qawwi: “Lazzru, oħroġ!” Imbagħad, ġrat xi ħaġa tal-​għaġeb: Lazzru ħareġ minn ġol-​qabar bil-​faxex għadhom imdawrin miegħu. Ġesù qalilhom: “Ħolluh u ħalluh imur.”

Ħafna li raw x’għamel Ġesù bdew ipoġġu l-​fidi fih. Imma xi wħud marru jgħidu x’ġara lill-​Fariżej. Minn dakinhar ’il quddiem, il-​Fariżej riedu joqtlu kemm lil Lazzru u kemm lil Ġesù. Wieħed mit-​12-​il appostlu, Ġuda l-​Iskarjota, bil-​moħbi mar għand il-​Fariżej u staqsiehom: ‘Kemm tħallsuni jekk ngħinkom issibu lil Ġesù?’ Huma qablu li jagħtuh 30 biċċa tal-​fidda. U għalhekk, minn dakinhar Ġuda beda jfittex opportunità biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom.

“Il-​Missier iqajjem il-​mejtin u jagħtihom il-​ħajja.”—Ġwanni 5:21