Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 87

L-aħħar ikla taʼ filgħaxija taʼ Ġesù

L-aħħar ikla taʼ filgħaxija taʼ Ġesù

Il-​Lhud kienu jiċċelebraw il-​Qbiż kull sena fl-​14 tax-​xahar taʼ Nisan. Dan kien biex ifakkarhom dwar kif Ġeħova kien ħelishom mill-​Eġittu biex ma jibqgħux ilsiera, u daħħalhom fl-​Art Imwiegħda. Fis-​sena 33, Ġesù u l-​appostli tiegħu ċċelebraw il-​Qbiż f’kamra taʼ fuq taʼ dar f’Ġerusalemm. Fl-​aħħar tal-​ikla, Ġesù qal: ‘Wieħed minnkom se jagħtini f’idejn l-​għedewwa tiegħi.’ L-​appostli nħasdu, u staqsewh: ‘Min?’ Ġesù wiġibhom: ‘Hu dak ir-​raġel li se nagħtih minn dan il-​ħobż.’ Imbagħad ta biċċa ħobż lil Ġuda l-​Iskarjota. Dak il-​ħin stess, Ġuda qam u ħareġ ’il barra mill-​kamra.

Imbagħad, Ġesù qal talba, qabad ftit ħobż u qasmu f’biċċiet, u tahom lill-​kumplament tal-​appostli. Hu qal: ‘Kulu dan il-​ħobż. Dan jirrappreżenta ġismi, li se nagħti għalikom.’ Imbagħad qabad l-​inbid u talab, u tah lill-​appostli tiegħu. Hu qal: ‘Ixorbu dan l-​inbid. Dan jirrappreżenta d-​demm tiegħi, li se nagħti biex b’hekk id-​dnubiet ikunu jistgħu jiġu maħfura. Jien nagħmel wegħda magħkom li intom se tkunu slaten miegħi fis-​sema. Agħmlu dan kull sena biex tiftakru fija.’ Għalhekk, is-​segwaċi taʼ Ġesù għadhom jiltaqgħu flimkien f’dik il-​lejla kull sena. Dik il-​laqgħa issa hi msejħa l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej.

Wara l-​ikla, l-​appostli bdew jargumentaw dwar min minnhom kien l-​iktar importanti. Imma Ġesù qalilhom: ‘L-​akbar fostkom hu l-​wieħed li jqis lilu nnifsu bħall-​iżgħar wieħed, jiġifieri li jqis lilu nnifsu bħala l-​inqas importanti.

‘Intom il-​ħbieb tiegħi. Jien ngħidilkom dak kollu li Missieri jridni ngħidilkom. Dalwaqt se mmur ħdejn Missieri fis-​sema. Intom se tibqgħu hawn, u n-​nies se jaraw li intom dixxipli tiegħi mill-​imħabba li għandkom għal xulxin. Intom għandkom tħobbu lil xulxin bħalma jien ħabbejt lilkom.’

Fl-​aħħar, Ġesù talab lil Ġeħova biex jieħu ħsieb lid-​dixxipli kollha u jgħinhom jaħdmu fil-​paċi flimkien. Talab ukoll biex isem Ġeħova jiġi mqaddes. Dan ifisser li aħna nqisu isem Ġeħova bħala li hu nadif u speċjali ħafna. Imbagħad Ġesù u l-​appostli tiegħu kantaw tifħir lil Ġeħova, u ħarġu barra. Il-​waqt biex Ġesù jiġi arrestat kien viċin.

“Tibżgħux, merħla żgħira, għax Missierkom approva li jagħtikom is-​saltna.”—Luqa 12:32