Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 88

Ġesù jiġi arrestat

Ġesù jiġi arrestat

Ġesù u l-​appostli għaddew mill-​wied taʼ Kidron biex imorru lejn il-​Muntanja taż-​Żebbuġ. Kien wara nofsillejl u l-​qamar kien kwinta. Meta waslu fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, Ġesù qalilhom: “Oqogħdu hawnhekk u ibqgħu għassa.” Imbagħad, Ġesù daħal ftit ’il ġewwa fil-​ġnien u niżel għarkopptejh. Bi dwejjaq kbar, hu talab lil Ġeħova: “Ħa ssir ir-​rieda tiegħek.” Imbagħad, Ġeħova bagħat anġlu biex jinkuraġġixxi lil Ġesù. Meta Ġesù mar lura ħdejn l-​appostli, hu sabhom reqdin. Qalilhom: ‘Qumu! Dan mhux ħin li torqdu! Waslet is-​siegħa biex l-​għedewwa tiegħi jiġu għalija.’

Wara ftit wasal Ġuda. Kien hemm folla kbira taʼ nies mexjin warajh armati bis-​sjuf u l-​bsaten. Hu kien jaf fejn isib lil Ġesù għax spiss kienu jiġu f’dan il-​ġnien. Ġuda kien qal lis-​suldati li kien se jurihom min kien Ġesù. Hu mar dritt fuqu, u qallu: ‘Is-​sliem għalik, Għalliem,’ u mbagħad biesu. Ġesù qallu: ‘Ġuda, b’bewsa qed tittradini?’

Ġesù resaq lejn il-​folla rrabjata, u staqsiehom: “Lil min qed tfittxu?” Huma qalulu: “Lil Ġesù n-​Nazzarenu.” Hu mbagħad wieġeb: “Jien hu,” u l-​irġiel resqu lura u waqgħu mal-​art. Ġesù reġaʼ staqsa lill-​folla: “Lil min qed tfittxu?” Huma reġgħu qalu: “Lil Ġesù n-​Nazzarenu.” Ġesù wieġeb: ‘Għedtilkom li jien hu. Ħallu lid-​dixxipli tiegħi jmorru.’

Meta Pietru induna x’kien qed jiġri, ħareġ is-​sejf u qataʼ l-​widna taʼ Malku, li kien ilsir tal-​qassis il-​kbir. Imma Ġesù mess il-​widna tar-​raġel u fejqu. Imbagħad hu qal lil Pietru: ‘Daħħal is-​sejf f’postu. Jekk tiġġieled bis-​sejf, bis-​sejf tmut.’ Is-​suldati qabdu lil Ġesù u rabtulu jdejh, u l-​appostli ħarbu. Imbagħad, il-​folla ħaduh għand Anna, il-​qassis ewlieni. Anna staqsa ħafna mistoqsijiet lil Ġesù u wara bagħtu d-​dar tal-​Qassis il-​Kbir Kajfa. Imma l-​appostli x’sar minnhom?

“Fid-​dinja qed ikollkom it-​tribulazzjoni, imma agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-​dinja.”—Ġwanni 16:33